Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-appell li għamel il-Prim Ministru għall-għaqda f’pajjiżna huwa wieħed taparsi.
Waqt l-attività politika tal-Ħadd filgħodu huwa kritika l-messaġġ tal-Prim Ministru ta’ ‘Tim Malta’ f’kuntest li bħala pajjiż wieħed qed naffaċċjaw pandemija.
Hawnhekk, Bernard Grech rrifjuta l-id tal-ħbiberija: “Irridu nkunu taparsi noffru l-id tal-għaqda u nsemmu ‘Tim Malta’.”
Fl-istess ġimgħa li fiha d-Deputat Nazzjonalista David Thake ħareġ jattakka liż-żagħżugħ Carlos Zarb għaliex bħala żagħżugħ jinsab fuq il-bord ta’ Finance Malta, Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista jgħożż liż-żgħażagħ.
Grech qal,”Irridu ngħożżu liż-żgħażagħ tagħna, lil uliedna, it-tfal tagħna.”
Fl-indirizz tiegħu fid-Dar Ċentrali huwa reġa’ tenna n-nuqqas ta’ kburija li għandu għall-pajjżna u b’retorika sinonima mal-eks Kap Simon Busuttil qal li Malta mhux pajjiż normali.
Grech sostna: “Nistgħu nerġgħu noħolmu li dan il-pajjiż jista’ xi darba jsir normali.”
Qabel id-diskors ta’ Bernard Grech, indirizzat lil dawk preżenti s-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista Roselyn Borg Knight.
Din ikkonfermat il-fazzjonijiet li hemm fil-Partit Nazzjonalista u l-firda bejn dawk li huma ta’ Bernard Grech u dawk tal-eks Kap Adrian Delia.
Hija stqarret: “Hawn nixtieq nindirizza wkoll lil dawk li forsi llum reġgħu lura fil-Partit u jħossu li m’hemmx post għal kulħadd. Dan mhux sew lanqas, fl-aħħar mill-aħħar hija responsabbilità ta’ żewġ partijiet. Kif jgħidu bl-Ingliż, it takes two to tango.”
Ma’ tmiem l-appell ta’ Borg Knight għall-għaqda fil-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech beda d-diskors b’pawża ta’ ftit sekondi biex imbagħad filwaqt li tenna li jinsab kommoss, dar fuq il-kelliema ta’ qablu u bi tbissima fuq fommu qalilha li rnexxielha tbikkih.
Grech stqarr: “Skużawni jekk leħni jinstema’ xi ftit kommoss imma rnexxielek.”
Il-Kap Nazzjonalista li saħansitra qabel il-ħatra tiegħu pprova jaħbi nuqqasijiet kbar li kellu fi ħlas ta’ taxxa u VAT għamel l-ewwel ftit minuti tad-diskors tiegħu jitkellem fuq il-ġenwinità u l-onestà.
Dan qabel ta x’jifhem li jekk ikun onest u jikxef għawwaru hemm fejn jispiċċa attakkat.
Huwa sostna: “Il-ġenwinità u l-onestà joħduk kullimkien fil-ħajja. Bla dubju kultant jesponuk ukoll għall-attakki.”