Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech rrefera għall-firda fil-Partit Nazzjonalista bħala perċezzjoni.
Huwa qal dan waqt li kien qed jindirizza l-għeluq tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista u li fih komplew jidhru kemm għadhom jiddominaw il-fazzjonijiet fid-Dar Ċentrali.
Wara li numru ta’ kelliema fid-diskorsi tagħhom imbuttaw l-aġenda li taqbel lill-fazzjoni li jappartjenu għaliha hekk kif kull ma jmur jkompli l-manuvri għall-poter fid-Dar Ċentrali, kien imiss il-Kap li jindirizza lil dawk preżenti.
Hawnhekk Bernard Grech b’mod dirett irrefera għall-ġlied intern li jiddomina fil-Partit Nazzjonalista.
“Li jekk ma titlax f’xi elezzjoni, mhux jeħel il-partit, imma jekk tiġi elett, hija kapaċitá tiegħek, u ħila tiegħek. Li jekk tittieħed deċiżjoni li ma togħġbokx, mhux nattakka, u nsawwat, u nitfa’ l-vleġeġ.”
Fl-aħħar ġimgħat u xhur dawn l-attakki u l-ġlied huma l-istatus quo fil-Partit Nazzjonalista. Propju ftit tal-jiem ilu d-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg fuq ir-radju tal-Knisja qalet li ma jiddispjacihiex b’dak li għamlet hi bħala waħda mill-ewlenin tal-Blue Heroes biex qaċċtu lil Adrian Delia mit-tmun tal-Partit.
Kummenti li ma niżlu xejn tajjeb ma’ Deputati bħal Alex Borg, Janice Chetcuti u David Agius.
Preżentatur – “Jiġifieri jiddispjaċik li għamilt hekk, li kont involuta?”
Claudette Buttigieg – “Le.”
Preżentatur – “Ħallast il-prezz imma?”
Claudette Buttigieg – “Hekk hu.”
Preżentatur – “Jiġifieri l-prezz tal-popolarità mhux the ultimate price.”
Claudette Buttigieg – “Dak il-mument ħassejt li għamilt the right thing. Jien ma tantx nieħu deċiżjonijiet ħajti li jiddispjaċini fuqhom.”
Madankollu quddiem dan kollu Bernard Grech qal hekk.
“Għaliex il-perċezzjoni għadha li dan il-partit m’huwiex maqgħud biżżejjed.”