Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qal li f’pajjiżna jrid idaħħal setturi ekonomiċi ġodda, l-istess li ppropona qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali.
Setturi ekonomiċi li, minkejja din id-dikjarazzjoni ta’ Bernard Grech, diġà jeżistu f’pajjiżna bin-numru ta’ impjiegi fi ħdanhom dejjem jiżdied.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal dan waqt intervista fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Nazzjonalista, il-Ħadd filgħodu.
Intervista, li bħal f’ħafna oħrajn qabilha, reġa’ tkellem fuq il-pjan ekonomiku tal-Partit Nazzjonalista. Pjan li tniżżel fil-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista mimli żbalji u li saħansitra kien ikkritikat mill-midja indipendenti għan-nuqqasjiet kbar li kellu, fosthom n-nuqqas ta’ costings.
“Dan ilna ngħiduh issa minn 3 xhur, 4 xhur qabel l-elezzjoni tas-sena l-oħra. Li aħna rridu pilastri ekonomiċi ġodda u ndaħħluhom il-pilastri ekonomiċi ġodda. Hekk kif għamilna fit-tmeninijiet, fis-sittinijiet, fid-disgħinijiet. Hekk kif għamilna fil-bidu ta’ dan il-millennju. Hekk kif għamilna kull meta konna fil-Gvern.
Il-Kap Nazzjonalista qal ukoll li mal-Partit tiegħu, igawdi kulħadd. Dan qalu anke jekk ġimgħa ilu l-eks Prim Ministru Nazzjonalista Lawrence Gonzi ddefenda d-deċiżjonijiet li ħa dwar l-awsterità, għax skontu hekk taħdem il-biċċa.
Dwar il-perjodu li fih impona “bil-qalb” il-kontijiet esaġerati tal-elettriku fuq il-poplu, Gonzi qal hekk.
“Jiġifieri dak iż-żmien aħna, il-piż enormi li kien waqa’ fuqna biex inżommu l-elettriku għaddej, il-fabbriki għaddejjin eċċ, kien jirrekjedi li nieħdu ċertu deċiżjonijiet.”
Din it-tip ta’ politika għadha r-regola tal-Partit Nazzjonalista tant li l-Kap tal-lum Bernard Grech qal li jekk jogħlew il-prezzijiet tal-enerġija barra, jogħlew f’Malta.
Żied ukoll li l-għajnuna tal-Gvern fis-settur mhux sostenibbli u għandha titwaqqaf, anke jekk din kienet ir-raġuni ewlenija għalxiex l-għoli tal-ħajja li laqatna kien fost l-inqas fl-Unjoni Ewropea kollha.
“Aħna tried and tested.”
Sadanittant, Bernard Grech kien partiġġjan għall-aħħar fuq il-każ ta’ Jean Paul Sofia. Filwaqt li attakka lill-Prim Minisru Robert Abela minflok żamm ma’ dan is-suġġett tant sensittiv, huwa naqas ukoll milli jappella sabiex issir ġustizzja.