Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qal li jrid iwaqqaf lill-Labour jikteb l-istorja ta’ pajjiżna.
Il-Kap Nazzjonalista qal dan il-Ħadd filgħodu f’intervista fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista hekk kif kien qed jiġi mistoqsi dwar diversi suġġetti politiċi fil-kuntest ta’ pajjiżna.
Kien hawn li l-Kap Nazzjonalista qal li jrid iwaqqaf lill-Partit Laburista milli jikteb l-istorja.
Qal, “Il-Labour li jipprova jagħmel huwa jerġa’ jikteb l-istorja u din iridu nwaqqfuwielu lill-Labour, li jikteb l-istorja, li jivvinta l-istorja.”
Fil-fatt, il-Kap Nazzjonalista sostna li l-Partit Nazzjonalista ma jiftaħarx biżżejjed b’xogħlu.
Stqarr, “Kultant ma niftaħrux biżżejjed, ħa npoġġiha b’mod li nifthemu. Għandna biex inkunu kburin ħafna iktar bil-ġid li wettaq Gvern Nazzjonalista matul is-snin. Kisbiet kbar. Għamilna ħafna meta konnha fil-Gvern.”
Filwaqt li qatta’ għaxar minuti sħaħ jfakkar f’dak li għamel il-Partit Nazzjonalista fi żmienu fil-Gvern, Bernard Grech reġa’ rrepeta l-istess kliem.
Hawn tenna, “Kultant naħseb naqgħu f’din it-tentazzjoni għax inħallu lill-Partit Laburista u għadni kif semmejtha jien, li jibdel l-istorja, jerġa’ jikteb l-istorja.”
Temm jgħid li tort tal-poplu li qed jitnessa’ l-passat glorjuż tal-pajjiż taħt Gvern Nazzjonalista.
Qal, “Allura huwa tort tagħna li nħallu lil min jipprova jnessi l-passat glorjuż tal-pajjiż.”