Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qal li jrid ineħħi taxxa fuq l-anzjani li fil-fatt lanqas teżisti.
Dan innotah il-Partit Laburista, fi stqarrija b’reazzjoni għal dak li qal il-Kap Nazzjonalista f’laqgħa li kellu mal-Kunsill Nazzjonali tal-Anzjani.
Il-Partit Laburista nnota kif il-Kap tal-Oppożizzjoni lanqas biss għadu fehem li hu grazzi għall-Gvern Laburista preżenti, li l-anzjani ma jħallsux taxxa fuq il-pensjoni tagħhom u għalhekk lanqas fuq il-COLA u ż-żidiet addizzjonali li jirċievu.
“Għalhekk il-Kap tal-Oppożizzjoni ma jistax joffri xi soluzzjonijiet meta lanqas jaf il-bażiku”, innota l-Partit Laburista, li rrimarka kif bil-politika ta’ Bernard Grech, l-anzjani kienu fost oħrajn iħallsu prezzijiet għolja fil-kontijiet tad-dawl, għax għal Bernard Grech l-għajnuna kbira li qed jagħti l-Gvern biex iżomm stabbli l-prezzijiet tal-enerġija mhix sostenibbli u jekk il-prezz jogħla barra minn Malta, allura jogħla f’pajjiżna wkoll.
Il-Partit Laburista nnota wkoll punt ieħor li semma Grech dwar anomalija għall-pensjonanti li twieldu qabel l-1962.
Anomalija li, fost oħrajn, ħoloqha Gvern Nazzjonalista u li se jkun ukoll Gvern Laburista, kif diġà ħabbar, li se jindirizzaha.