Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech wiegħed li jekk ikun fil-Gvern jixtri l-artijiet f’Ħondoq ir-Rummien iżda mistoqsi kemm jiswew dawn l-artijiet ma jafx.
Din mhux l-ewwel darba li Bernard Grech wiegħed affarijiet li mbagħad ma kienx kapaċi jispjegahom.
Kien ONE News li staqsa lil Bernard Grech dwar is-suġġett wara li mistoqsi minn The Malta Independent x’jaħseb dwar Ħondoq ir-Rummien qal li jekk ikun Prim Ministru jaqbad u jixtrih.
“Ma’ l-Indpendent wieghdtu li se tixtru l-art tal-Hondoq. Taf tgħidli kemm tiswa? Irridu nagħtuha lura lill-poplu. Is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja. Kemm tiswa? Tiġi kkalkulata.”
Mistoqsi kif jista’ jwiegħed l-affarijiet mingħajr ma jkun jaf id-dettalji, Bernard Grech insista li dan mhux importanti.
“Jekk wegħdtha nimmaġina li taf kemm tiswa? Mhux fl-ajru. Nimmaġina li tagħmel il-costing. Serraħ rasek. Wiegħda nkunu nafu x’qed ngħidu. Qas taf kemm hi. Inkunu nafu Colin.”
L-iżvilupp propost f’Ħondoq ir-Rummien dejjem kien sors ta’ kontroversja bl-awtoritajiet finalment kienu rrifjutawh.
Sal-2006 Ħondoq ir-Rummien kien għal kollox żona barra mill-iżvilupp u bil-bidliet li għamel il-Partit Nazzjonalista fil-gvern waslu biex jista’ jkun hemm permess ċertu żvilupp.
Żvilupp li sa issa l-awtoritajiet irrifjutaw b’Kunsill Lokali b’maġġoranza Laburista dejjem oppona l-istess żvilupp.
L-istess kif għamel il-Partit Laburista b’manifesti elettorali fosthom dak tal-Kunsill Lokali tal-Qala.
Riċentament reġgħu nkitbu artikli dwar is-suġġett u mistoqsija dwarhom, mingħajr ebda studju Bernard Grech qal li hu se jixtri l-art. Mistoqsi kemm tiswa, qal li ma jafx.
“Kemm tiswa? Tiġi kkalkulata.”
Minkejja dan Bernard Grech jinsisti li jaf x’qed jagħmel.
“Qed tgħidli ma tafx kemm tiswa kif taf x’qed tgħid?”
“Nassigurak li nkunu nafu.”