Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech reġa’ kien partiġjan fil-messaġġ li qed jibgħat wara d-deċiżjoni tal-FATF.
Wara l-appell għall-għaqda u biex kulħadd jiġbed ħabel wieħed, fosthom mill-partijiet involuti fil-qasam finanzjarju, Bernard Grech qal hekk: “U mela nistħu, u mela ġġagħluna nistħu, dik hija l-verità.”
Bernard Grech infexx jattakka wkoll lill-Prim Ministru: “Li kieku noħorġu mis-sħab iswed ma jimpurtax imma minflok qed joħroġna qed idaħħalna iktar il-ġewwa fil-maltempata.”
Tul is-seduta parlamentari, tkellem ukoll id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi. Huwa tkellem dwar kif pajjiżna tpoġġa taħt proċedura ta’ moniteraġġ.
Madankollu konvenjentament nesa jsemmi kif wħud mill-isfidi li sab ma’ wiċċu dan il-Gvern kienu ilhom li feġġew minn taħt Gvern Nazzjonalista madankollu dejjem tpoġġew taħt it-tapit.
Minflok qal li fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista, Malta daħlet fil-klabb tal-elite, mingħajr ma semma li l-Kummissjoni Ewropea kienet daħlitna fi proċedura ta’ defiċit eċċessiv u anki kellu rata għolja ta’ qgħad.
Azzopardi stqarr: “Partit Nazzjonalista daħħal lil dan il-pajjiż fil-klabb tal-elite.”
Intant waqt li fi żmien Gvern Nazzjonalista, Tonio Fenech kien qal lill-poplu li l-kontijiet għoljin tad-dawl u l-ilma rridu nidrawhom, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech kompla jnissel messaġġ ta’ biża’.
Huwa sostna: “Iżda meta jingħalaq il-vit Sur President, irridu nifhmuha.”