Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech ipprova ma jarmix lil Jason Azzopardi, filwaqt li ma jfaħħrux wisq hekk kif bħalissa qed jitkarrab għall-voti tal-fazzjonijiet kollha fil-partit.
Bernard Grech deher jagħmel dan waqt li kien qed jiġi intervistat fuq ir-radju tal-Knisja.
Madankollu, il-logħba ta’ Bernard Grech li jikkuntenta liż-żewġ fazzjonijiet fil-Partit Nazzjonalista, ma tantx ħalliet frott hekk kif kienu biss ftit minuti wara li ntemmet l-intervista li l-ewlieni li poġġa lil Grech fit-tmun tal-Partit ħareġ għalih fuq Facebook u qal li żmien Bernard Grech ma jdumx ma jispiċċa wkoll.
Meta kien mistoqsi fuq Jason Azzopardim, Bernard Grech ċaħad li l-Partit Nazzjonalista ħadem kontra l-kandidatura ta’ Bernard Grech.
“Ma hu veru xejn li l-Partit ħadem kontrih. Ma hu veru xejn. Niċħadha kategorikament.”
Żied ukoll jgħid li Azzopardi ta kontribut enormi lill-politika Maltija.
“Jason Azzopardi huwa persuna li iva ħadem ħafna bħala Ministru, ta kontribut kbir. Ħadem ukoll bħala Deputat fl-istrutturi wkoll tal-Partit Nazzjonalista.”
Iżda mbagħad, meta kien mistoqsi dwar il-fatt li Azzopardi ma kienx elett, Bernard Grech saħaq li kulħadd għandu expiry date fil-politika, inkluż hu.
Hawn dlonk kiteb Jason Azzopardi li indika li l-expiry date ta’ Grech jista’ jkun mhux bogħod. “Kultant min jaqra l-expiry date ta’ ħaddieħor, jinsa jara s-shelf life tiegħu,” kiteb Azzopardi f’botta diretta lejn il-Kap tal-Partit.
Dan l-aħħar żvilupp bejn Bernard Grech u Jason Azzopardi kompla jikkonferma s-sigriet magħruf li l-fazzjonijiet differenti fil-Partit Nazzjonalista qed jattakkaw lil Bernard Grech internament billi jgħidu li moħħu biex isalva ġildu.
Iżda, fl-istess ħin anke kif ikkonfermat fl-għeluq tan-nomini għal Kap tal-Partit Nazzjonalista, ħadd ma hu lest li joħroġ fil-beraħ issa kontra Bernard Grech bil-manuvri jsiru minn wara l-kwinti.