Il-kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech ammetta u qal li jinsab perpless dwar l-aħħar aħbarijiet li ħarġu dwaru fejn kellu mat-tnejn u sittin elf ewro fi ħlasijiet pendenti ma’ tat-taxxa u ma’ tal-VAT.
Kienu t-Times, il-Maltatoday u l-Illum li rrappurtaw l-ewwel dwar kif fl-aħħar żmien, Bernard Grech kellu kontijiet pendenti kemm ta’ taxxa tad-dħul li jmorru lura saħansitra sa disa’ snin ilu u anke ħlas tal-VAT sas-sena l-oħra.
Konxju li dawk li bdew jersqu lejh, bdew jiddubitaw minnu wara li anki ma qalx kif ħallas aktar minn sittin elf ewro fi ħlas tat-taxxa u VAT, Bernard Grech għamel filmat u qal li hu mħasseb.
Huwa qal: “Ninsab konxju li numru minnkom tinsabu mħassbin fuq l-istejjer li ħarġu dwari fir-rigward tat-taxxa. Nirrikonoxxi li anki jien imħasseb. Imħasseb u perpless għaliex nammetti illi stajt kont aktar attent billi din is-sitwazzjoni ma tiġrix.”
Fuq il-midja soċjali, ammetta li huwa vverifika x’kellu pendenti.
Dan qalu fl-istess żmien li ħareġ biex ikun il-kandidat tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Grech kompla jgħid: “Jiena ħadt ħsieb illi niċċekkja u nivverifika kull pendenza li seta’ kelli.”
Għall-aħħar żviluppi marbuta mal-ħlasijiet tat-taxxa u tal-VAT minn Bernard Grech, numru ta’ esponenti tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil ħarġu jippruvaw ibenġluha, anki jekk qabel għamlu kruċjata kontra Adrian Delia, li wkoll ġew rappurtati dwaru numru ta’ stejjer u għandu numru ta’ dellijiet dwar ħlasijiet pendent tat-taxxa.
L-eks President tal-AŻAD, għaqda fil-Partit Nazzjonalista li tiġġenera l-ħsibijiet politiċi fil-partit, qal li huwa diffiċli li ssib persuna li taħdem għal rasha li ma kelliex xi problemi mad-dipartiment tat-taxxa u tal-VAT.
L-Avukat David Griscti qal li dan ma jfissirx evażjoni tat-taxxa iżda ġeneralment dak li jkun, ma jifhimx il-liġijiet tat-taxxa.
Nifhmu li l-fazzjoni Busuttil instarmet u nħasdet b’dak li ġie żvelat fuq iż-żiemel tagħha, anki meta l-proċess ta’ due diligence fuq iż-żewġ kandidati għat-tmexxija tal-partit għadu għaddej.
Fil-fatt ir-reazzjoni tal-fazzjoni Busuttil kienet li tgħid li Delia kellu l-problemi fil-proċess ta’ due diligence.
Dan kollu ġab iżjed ġlied fost iż-żewġ fazzjonijiet li jridu t-tmexxija tal-partit.
Intant sorsi qrib in-nies li qed imexxu l-kampanja ta’ Bernard Grech qalulna li l-istruzzjonijiet lejn Grech huma ċari, biex ma joqgħodx jelabora ħafna dwar il-ħlasijiet pendenti ma’ tat-taxxa u ma’ tal-VAT.
Lil dak li saħansitra spiċċa jiġbor il-flus għall-kampanja tiegħu u anki talab lil min irid jikkontribwixxi b’mod anonimu, qalulu biss biex jipprova jilgħabha tal-vittma u fil-fatt fil-filmat li għamel, għalaq hekk.
Grech qal: “Se jkun hemm attakki, se jivvintaw attakki.”