Il-Kap Nazzjonalista, Bernard Grech, qal li huwa l-unika persuna li wriet interess għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista għax l-ebda kandidat ieħor ma ħass li jista’ jagħmel xi ħaġa aħjar jew differenti minnu.
Grech qal dan meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet li għamillu ONE News barra l-Kamra tal-Kummerċ, fil-Belt Valletta, wara laqgħa li kellu mal-istess Kamra.
Bernard Grech qal hekk minkejja li kien il-Kap responsabbli għall-akbar telfa elettorali li qatt ġarrab il-Partit Nazzjonalista fl-istorja ta’ Malta sovrana.
Is-Sibt li għadda għalaq il-perjodu li fih kellhom jintefgħu l-espressjonijiet ta’ interess minn dawk interessati sabiex jikkontestaw għall-kariga ta’ Kap Nazzjonalista.
Bernard Grech kien l-uniku wieħed li għamel dan, wara dik li bosta sejħula “kampanja ta’ twerwir” li għamel biex jaqta’ qalb kull min seta’ għaddielu minn moħħu li jtellaqlu għall-kariga ta’ Kap.
Intant, b’rabta mal-iżviluppi fl-aħħar jiem, meta l-eks deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi fetħilha kontra Grech b’bosta allegazzjonijiet serji wara li dan tal-aħħar niggeż lill-perċimes tal-establishment fi sforz biex jipprova jinġieb maż-żewġ fazzjonijiet li qed jiddominaw fid-Dar Ċentrali quddiem il-konferma li issa qed jaffaċċja, ONE News staqsa lil Grech jirrikonoxxix li hemm il-ġlied fid-Dar Ċentrali.