Lejliet li ġie ppubblikat stħarriġ ieħor mil-Maltatoday li wera fiduċja b’saħħitha fil-Prim Ministru u l-Partit Laburista, Bernard Grech ħareġ jgħid li Gvern Laburista qed imexxi bl-appoġġ ta’ minoranza tal-poplu Malti u Għawdxi.
Grech qal, “Il-Partit Laburista qed jirrenja permezz ta’ minoranza.”
Din id-dikjarazzjoni għamilha waqt il-ftuħ tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.
Dikjarazzjoni li ġiet wara li fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet ġie ppubblikat stħarriġ ieħor ta’ Dr. Vincent Marmarà fuq it-Torċa, li wera kif il-Partit Laburista jgawdi minn distakk ta’ 13.5% tal-elettorat fuq il-Partit Nazzjonalista.
Fl-istess diskors f’Għawdex huwa għal darba oħra reġa’ wiegħed li ser jixtri l-art tal-Ħondoq. Dan filwaqt li qal li huwa jaf x’inhu jagħmel għaliex għandu l-ideat.
Hu qal, “Aħna nafu x’ser naqbdu nagħmlu għaliex aħna għandna l-ideat.”
Madankollu, l-ideat tiegħu għal darba oħra baqgħu mhux issostanzjati bi pjan hekk kif baqa’ ma qalx kemm kieku tiġi tiswieh biex jixtri l-art tal-Ħondoq.
Dan għaliex kif kien ammetta magħna hu stess il-kalkoli m’għamilhomx qabel wiegħed.