F’intervista qasira fuq l-istazzjon Nazzjonalista, il-Ħadd filgħodu, fejn iddedika ħafna mill-ħin jattakka lill-Gvern u l-istituzzjonijiet tiegħu, anke dawk indipendenti, bħall-Kummissarju tal-Pulizija, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech enfasizza li jinsab ippreparat għall-elezzjoni ġenerali li jmiss – tiġi meta tiġi – u għandu kollox lest biex ikun fil-Gvern.
Minkejja li, minn kemm ilu fit-tmun tal-Partit Nazzjonalista, lanqas kien kapaċi jippreżenta l-kontijiet awditjati tiegħu, kif inhu obbligat bil-liġi, Grech tenna li hu se jkun kapaċi jamministra u jsolvi dawk li ddeskriva bħala “problemi bla tarf tal-Labour”.
“Mhux biss li issa nkunu ppreparati, kif suppost, għall-elezzjoni ġenerali li ġejja, tiġi meta tiġi, imma li nkunu ppreparati biex niggvernaw dan il-pajjiż. Inserrħulek rasek li għandna kollox ippreparat. U nidħlu fil-Gvern u nkunu nistgħu nindirizzaw, mill-ewwel, mhux biss il-problemi li se jkun ħalla l-Labour, f’dawn il-11, 12, 13-il sena, skont kemm (il-Prim Ministru) jdum biex isejjaħ elezzjoni.”
Mistoqsi dwar it-tibdil li qed iseħħ fil-karigi uffiċjali fid-Dar Ċentrali, partikolarment bit-tmiem tas-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino, il-Kap Nazzjonalista ddeskriva dan bħala tisħiħ.
“Billi nkomplu anke niġġeddu, nissaħħu, inbiddlu, billi l-Partit Nazzjonalista jkompli jimxi ’l quddiem. Dan wegħedt erba’ snin ilu u hekk qiegħed nara li jsir dejjem.”
Hu sigriet magħruf li, kif ħabbar ONE News, xhur ilu tfassal pjan speċifiku biex jitqaċċat minn postu s-Segretarju Ġenerali wara l-elezzjonijiet ta’ Ġunju li għadda.
Waqt li kompla li, fil-jiem li ġejjin, se jkun qed iħabbar l-ewwel sett ta’ kandidati, il-Kap Nazzjonalista għalaq b’appell elettorali fejn diġà pinġa lilu nnifsu bħala Prim Ministru tal-pajjiż.
“U hekk se nagħmlu flimkien wara l-elezzjoni ġenerali li jmiss.”