Il-Kap Nazzjonalista, Bernard Grech, iddikjara il-Partit tiegħu mexa fuq l-esperti tal-Knisja meta kienu qed jiġu diskussi l-emendi fil-liġi tal-IVF.
Huwa sostna dan it-Tlieta waranofsinhar f’konferenza tal-aħbarijiet meta ġie mistoqsi dwar dak li qal id-Deputat Nazzjonalista Alex Borg, li d-deputati Nazzjonalisti li vvutaw favur din il-liġi kisru l-istatut tal-Partit Nazzjonalista.
F’tentattiv biex jirrimedja din is-sitwazzjoni imbarazzanti għall-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, evidentament skomdu, qal li l-pożizzjoni tal-Partit ttieħdet abbażi ta’ opinjonijiet minn esperti tal-Knisja.
Qal, “Esperti mqabbda mill-Knisja, huma fil-fatt ipproponew fil-konklużjonijiet tagħhom. Dan huwa konfortat ukoll b’diversi opinjonijiet, inkluż anke opinjonijiet moralista li anke rajna ftit tal-ġranet ilu fuq gazzetta lokali tal-Knisja.”
L-emendi fil-liġi tal-IVF komplew jikxfu l-qasma, il-ġlied, u l-konfużjoni fil-Partit Nazzjonalista.
Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap tal-Oppożizzjoni għamel stqarrijiet mhux imsejsa fuq il-fatti fuq l-ittestjar fuq il-bajd tal-mara, magħruf bħala polar body testing. Sostna li kien hu li daħħal dan l-ittestjar fil-liġi.
Qal, “Daħħalna aħna, aħna, bl-emendi tagħna fil-liġi, il-Polar Body Testing.”
Dan l-argument qalu anki jekk il-fatti juru li, fil-liġi li ressaq il-Gvern, diġà kien hemm dan il-polar body testing inkluż.
Fil-fatt, fil-Parlament, Grech kien wera li ma jafx x’fiha il-liġi u kien id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne li fakkru kif dan li qed jgħid hu, kien diġà fil-liġi proposta.
Qal, “Dan huwa l-protokoll li poġġejna fil-liġi l-ġdida l-ġimgħa li għaddiet u li hu kellu ċans jaqra ġimgħa sħiħa. Huwa artiklu 1.14B fejn jgħid “Testing is to be for Polar Body, PGT-M, 3-Day Blastocyst PGT-M or Day 5 Blostocyst PGT-M.”