Fl-ewwel intervista fuq l-istazzjon nazzjonali mindu reġa’ ġie konfermat kap, b’aktar minn kwart tal-Kunsilliera ma jivvutawlux, Bernard Grech kompla fejn ħalla wara l-elezzjoni ġenerali, dik li ma jerfax ir-responsabbiltà għas-sitwazzjoni li jinsab fiha l-Partit Nazzjonalista.
F’intervista ta’ aktar minn siegħa, waqt il-programm XTRA Bernard Grech iddevja t-tort għat-telfa elettorali tal-Partit Nazzjonalista fuq l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia diversi drabi.
Grech qal, “Wieħed jifhem f’dan il-każ, il-Partit meta dħalt jien sibt partit li kellu diverġenzi kbar.”
L-istess għamel fuq il-problema ta’ dejn kbir li għandu l-Partit Nazzjonalista.
Stqarr, “Żgur mhuwiex dejn li għamilt jien kemm ili Kap. Huwa dejn li ilu ġej ħafna snin u dejjem jiżdied.”
Dan minkejja rapporti minn gazzetti indipendenti li taħt Bernard Grech id-dejn tal-Partit Nazzjonalista sploda ’l fuq fi żmien qasir.
Madankollu Bernard Grech ma waqafx hawn. Mistoqsi dwar il-problema tal-komunikattiva li għandu l-Partit Nazzjonalista huwa wkoll ma refax ir-responsabbiltà u pponta lejn is-sitwazzjoni li wiret mingħand ta’ qablu.
Qal, “Jiena sibtx magna lesta startjatha dħalt fiha u bdejna mexjin ’il quddiem.”
Intant mistoqsi dwar kif il-Partit Nazzjonalista se jattira nies ġodda lejh, Bernard Grech ma kellux risposta.
Ġurnalist: “Kif se tikkonvincihom mhux l-analiżi għandi bżonn.”
Bernard Grech: “Biex ngħidlek x’ser nagħmel? Mhux se ngħidlek issa x’se nagħmel.”
U hekk kif kien mistoqsi dwar il-proposti ekonomiċi tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech qal li fuq l-ekonomija l-Partit Nazzjonalista dejjem kien avant-garde, minkejja li taħtu pajjiżna tpoġġa fi proċedura ta’ defiċit eċċessiv.
Bernard Grech qal, “Fuq l-aspett ekonomiku jiena nemmen li l-Partit Nazzjonalista dejjem kien avant-garde u dejjem kien dak il-partit li joħroġ dejjem qabel bl-ideat ta’ kif għandhom isiru l-affarijiet.”