It-Tnejn filgħodu d-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi u l-avukat Bernard Grech iltaqgħu fi stabbiliment tax-xorb f’Tas-Sliema.
It-tnejn li huma qagħdu bilqiegħda ma’ mejda fuq ġenb tal-entratura, biswit magna tas-sigaretti, bi flixkun ilma u tazza bil-lumija.
Jason Azzopardi u Bernard Grech dehru jitħaddtu fil-fond u anki ma riedu lil ħadd min itellifhom mid-diskursata li kellhom.
Saħansitra ġurnalist li daħal fil-ħanut fejn kienu qed jitkellmu semgħahom jiddiskutu t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista u semmew lil Adrian Delia u lil Therese Comodini Cachia fid-diskursata.
B’din il-laqgħa nifhmu li issa Jason Azzopardi qed ikompli jmexxi l-konfoffa kontra l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia u jimbotta lil Bernard Grech.
Apparti Jason Azzopardi, li deher ovvju li qed jappoġġja lil Bernard Grech f’dawn l-intriċċi kollha li għaddejin fil-Partit Nazzjonalista mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, hemm deputati ribelli oħra mill-fazzjoni Busuttil li qegħdin wara Bernard Grech.
Maħsud kif sab crew ta’ ONE News barra, meta mistoqsi jekk hux ser ikun hu ż-żiemel tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil għat-tmexxija tal-Partit, Bernard Grech li kien għadu kif tkellem ma’ Jason Azzopardi, esponent ewlieni tal-fazzjoni Busuttil, stqarr li l-laqgħa kienet intiża sabiex fi kliemu jisma l-polz vera tal-Partit.
“Filfatt jistgħu ituni dawl aħjar fuq il-polz veru tal-Partit u tal-Pajjiż ukoll.”
B’din id-dikjarazzjoni ħareġ ċar li Bernard Grech qed jaħdem mal-fazzjoni tar-ribelli jew aħjar dik ta’ Simon Busuttil.
Nifhmu li Jason Azzopardi issa mhux wara Therese Comodini Cachia li kienet il-persuna li d-deputati Nazzjonalisti li sfiduċjaw lil Delia riedu bħala l-Kap tal-Oppożizzjoni.
Dan għall-fatt li l-fazzjoni ta’ Simon Busuttil tħoss li b’Bernard Grech bħala ż-żiemel tagħha jikbru ċ-ċansijiet li jieħdu mill-ġdid ir-riedni tal-partit u jegħlbu lil Delia fit-tellieqa għal Kap.
Bernard Grech, li qed jikkunsidra li jikkontesta għal Kap u jtajjar ras Adrian Delia, saħaq li hu jemmen fid-demokrazija.
“Jiena nemmen fid-demokrazija.”
Bernard Grech ċaħad li r-ribelli qed jippruvaw jaħdmu ħadma lil Delia billi jneħħuh f’tellieqa ġdida għal Kap.
Qal li jaħseb x’jaħseb il-poplu dwar dan huwa ma jaqbilx mal-fehma tan-nies.
ĠURNALIST: “Tirrikonoxxi li għandek fazzjoni li lil Adrian Delia qalgħuh mill-pożizzjoni li ġie elett fiha demokratikament.”
BERNARD GRECH: “Dak qed tgħidu inti.”
ĠURNALIST: “Qaluh in-nies ukoll.”
BERNARD GRECH: “Napprezza li qed jgħidu n-nies, nirrispetta li qed jgħidu n-nies, però mhux bilfors naqbel ma’ dak li qed tgħid inti jew li qed jgħidu n-nies.”
Fil-jiem li għaddew, Bernard Grech nieda b’mod sottili l-kampanja tiegħu u beda jdur il-każini Nazzjonalisti.
https://www.one.com.mt/2020/07/27/bil-filmat-jason-azzopardi-flaqgha-konfoffa-ma-bernard-grech/