Fil-Parlament it-Tnejn filgħaxija l-Kap tal-Oppożizzjoni għamel sagħtejn jitkellem kontra l-Budget u l-Gvern.
Skontu, fi tmien snin, il-Gvern ma għamel xejn: “Fi tmien snin m’għamiltu xejn.”
Huwa sejjaħ is-sitt żieda li ta dan il-Gvern lill-pensjonanti, bħala waħda miżera: “Iż-żieda miżera li tajtu lill-pensjonanti.”
Quddiem miżuri ambjentali, fosthom żieda fl-għotja biex tinċentiva x-xiri ta’ vetturi elettriċi u plug-in hybrids u anki pjan biex il-park tal-Inwadar isir masġar ikbar mill-Buskett, miżuri li anki rrikonoxxew bosta ambjentalisti, Bernard Grech qal hekk: “Hemm waħda biss li tista’ titqies miżura li tirrispondi għal bżonn ta’ soċjetà Maltija għall-ambjent aħjar.”
Bernard Grech spiċċa jattakka l-investiment fl-infrastruttura u meta kien qed jitkellem dwar il-miżura li l-Gvern jagħti t-trasport pubbliku b’xejn mis-sena d-dieħla, huwa ddikjara l-kliem; politika tal-molol: “Ma tagħmlux bużolotti intom, tridx tmur, l-ewwel infaqtu €700 miljun fit-toroq u issa trasport pubbliku b’xejn, politika tal-molol.”
Fuq il-Budget tenna fuq il-ħela u Bernard Grech qal li dan il-Budget jonfoq u jberbaq: “Infaqtu kemm flaħtu, li berbaqtu l-miljuni imma li imbagħad ma kontux kapaċi twieżnu biżżejjed il-bżonnijiet tan-nies.”
Bernard Grech kompla bid-diskors kontra pajjiżu u skontu Malta dejjem fil-qiegħ tal-graphs: “Kif ġabuna fl-aħħar snin, li wegħduna li se nkunu l-aqwa fl-Ewropa u fil-fatt spiċċajna dejjem fil-qiegħ tal-graphs.”
F’diskors mimli negattività, Bernard attakka b’aggressività u insulta lill-Ministru għall-Finanzi u lill-Prim Ministru: “Il-Ministru tal-Finanzi b’uġigħ ta’ ras u Prim Ministru jistordi. Niksru naqra d-dwejjaq li għandkom. Qed tifhmu kif qiegħed jaħdimkom dan il-Gvern?”
Fost tbaqbiq u anki deher jitmasħan, Bernard Grech qal li Malta għandha bżonn lilu biex imexxiha: “Under new management, hekk ser jiġri f’Malta.”