Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech sostna li f’25 sena fil-Gvern, il-Partit Nazzjonalista dejjem kabbar l-ekonomija ta’ pajjiżna, mingħajr piżijet.
Huwa qal dan hekk kif il-Ħadd filgħodu kien qed jiġi intervistat fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista. Intervista kkaratterizzata mis-soltu politika negattiva u tad-dlam li qed imexxi l-Partit Nazzjonalista taħt Grech.
Kien hawn li l-Kap Nazzjonalista ħass li kellu jagħmel paragun bejn Gvern Laburista u Gvern Nazzjonalista fil-qasam ekonomiku.
“Aħna konnha l-Gvern li f’25 sena konnha dejjem inkabbru l-ekonomija tal-pajjiż.”
Indika wkoll li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern ma tefax piżijiet fuq in-nies.
“Imma għamilna l-istess piżijiet fuq in-nies? Bgħatna u mbuttajna lin-nies fix-xifer?”
Grech qal dan minkejja li fl-aħħar amministrazzjonijiet Nazzjonalisti l-pajjiż bgħata mhux ftit ekonomikament.
Dan filwaqt li fost ħafna affarijiet oħra pajjiżna tpoġġa taħt proċedura ta’ defiċit eċċessiv mill-Kummissjoni Ewropea minħabba l-amministrazzjoni ħażina tal-finanzi ta’ pajjiżna.
Grech semma wkoll il-piżijet fuq in-nies minkejja li kien taħt l-aħħar Gvern Nazzjonalista, li r-rata ta’ qgħad f’pajjiżna kienet splodiet. Dan filwaqt li tefa’ kontijiet eżorbitanti fuq il-poplu fosthom dawk marbuta mal-elettriku.
Madankollu f’nofs dagħdiha ta’ rettorika politika mmirata biss biex tpinġi kollox ħażin, Bernard Grech kixef l-għan aħħari wara l-politika tal-Partit Nazzjonalista.
L-għatx kbir li jkun fil-Gvern.
“Għandna enerġija kbira u għatx kbir biex lil dan il-pajjiż nerġgħu ntuh il-Gvern li għandu bżonn.”