Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qal li jħossu kburi li skontu rnexxielu jirriġenera u jgħaqqad lill-Partit Nazzjonalista.
Huwa qal dan waqt intervista b’kollegament telefoniku s-Sibt filgħodu fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista. Ħin konvenjenti mmens hekk kif l-intervista saret ftit minuti qabel mal-ajruplan tal-Papa Franġisku wasal f’pajjiżna.
Sinjal li Bernard Grech innifsu ried li l-intervista tiegħu tiġi mistura biż-żjara tal-Papa sabiex jibqa’ jżomm profil baxx quddiem l-akbar telfa elettorali fl-istorja ta’ Malta sovrana.
Waqt din l-intervista li ma damitx iktar minn ħames minuti u li saħansittra fallew diversi tentattivi biex issir hekk kif il-problemi tekniċi ħallew lis-semmiegħa jistennew aktar minn nofs siegħa, Bernard Grech qal hekk.
Bernard Grech qal, “Il-messaġġ tiegħi kien dejjem wieħed ċar li ngħaqqad il-Partit. Xi ħaġa li nħossni kburi li wasalna għaliha.”
Grech qal ukoll li l-Partit Nazzjonalista għandu futur sabiħ hekk kif appella biex kulħadd jaħdem flimkien. Indikazzjoni li Bernard Grech inniffsu ħa jibqa’ jwebbes rasu u jitfa’ ismu għall-konferma quddiem l-istrutturi tal-Partit Nazzjonalista.
Grech tenna, “Nafu li l-Partit għandu futur sabiħ. Jekk nagħrfu li lkoll għandna naħdmu flimkien.”
Dan mhux kollox hekk kif Bernard Grech qal li huwa determinat jerġa’ jagħmel lill-Partit Nazzjonalista bħala Partit rebbieħ.
Huwa stqarr, “Se jsir ukoll ristrutturar fejn għandna bżonn u tisħiħ fejn hu tajjeb u nkompli niltaqa’ ma’ kull entità u possibilment membru fil-Partit għaliex determinat li nerġa’ nagħmel dan il-Partit wieħed rebbieħ kif dejjem kien fl-istorja tiegħu.”
U biex ikompli jilqa’ għat-telfa elettorali li ġarrab, Bernard Grech stqarr li l-elettorat irrisponda b’mod pożittiv għall-ħidma tiegħu.
Qal, “L-elettorat irrisponda b’mod pożittiv ħafna għal dik il-ħidma u x-xewqa u t-talba li jien kont qed nimbotta ’l quddiem.”