Bernard Grech, il-kandidat tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil għat-tellieqa tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, akkuża lil Kap preżenti, Adrian Delia, li m’għandux awtorità morali.
Grech qal dan waqt żjara li għamel fil-kamra tal-aħbarijiet tal-Maltatoday.
Mistoqsi dwar il-problemi li affaċċja Adrian Delia u kif ser jistabbillixxi l-awtorità tiegħu jekk jirbaħ l-elezzjoni għall-Kap, Grech qal li ser jerġa’ jġib l-awtorità morali fil-partit.
F’attakk ċar lejn it-tmexxija ta’ Delia, iż-żiemel tar-ribelli qal li jekk Kap ma jkollux awtorità morali jispiċċa jitlef ukoll l-awtorità li biha jmexxi lil dawk ta’ taħtu u b’hekk kulħadd jispiċċa jagħmel li jrid.
Bernard Grech fetaħ attakk fuq Adrian Delia meta kien mistoqsi mill-Maltatoday dwar il-problemi u r-ribelljoni li sab ma’ wiċċu Delia.
Inċidentalment dawk li qalgħu l-inkwiet intern għal Delia huma l-istess esponenti u deputati li qed jappoġġjaw fil-beraħ lil Bernard Grech u qed jagħtu s-sostenn lill-kampanja tiegħu.
Intant Grech qal ukoll kif l-istil ta’ tmexxija tiegħu ma jkunx wieħed ta’ ċensura.
Botta ċara għall-azzjonijiet tal-Kap Adrian Delia meta qal li ser jittieħdu azzjonijiet kontra l-fergħa taż-żgħażagħ Nazzjonalisti tal-fazzjoni Busuttil, l-MŻPN, li kkampanjat biex Delia jwarrab mit-tmun tal-Partit.
Mistoqsi wkoll dwar il-pożizzjoni tiegħu fuq l-abort, Bernard Grech deher biċ-ċar jipprova jevita li jidħol f’dettalji. Huwa qagħad attent li ma jiżbilanċjax ruħu ħalli jevita li jirfes il-kallijiet.
Bernard Grech ħa din l-attitudni anki f’intervista oħra mal-gazzetta The Times hekk kif ikkontradixxa dak li tant iġġieled għalih fir-referendum tad-divorzju.
Bernard Grech li kkampanja u vvota kontra l-liġi tad-divorzju fl-2011 mat-Times b’mod surreali qal li huwa ma kienx kontra d-divorzju.
Intant dwar is-suċċessi elettorali tal-Partit Laburista fl-aħħar snin Bernard Grech qal li dawn waslu wkoll minħabba li l-Partit Laburista investa f’pixxina ġdida tal-waterpolo f’Birżebbuġa.