Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech sostna li d-Dokument ta’ Qabel il-Budget tal-Partit Nazzjonalista huwa wieħed “iffukat.”
Huwa qal dan waqt intervista fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista, il-Ħadd filgħodu, ftit jiem biss wara li l-Partit tiegħu nieda dan id-dokument li ġibed l-attenzjoni tal-midja indipendenti għat-tgergfix li fih.
Bernard Grech iddeskrivih hekk.
“Il-Pre-Budget Document tagħna huwa ffukat.”
Dan minkejja li l-midja indipendenti elenkat bosta eżempji ta’ proposti fid-dokument tal-Partit Nazzjonalista, li propjament kienu ta sħab soċjali iżda mpoġġija b’mod li ma jinfthiemx.
Dan apparti li f’artiklu t’analiżi mill-MaltaToday ġie mmarkat it-taħwid li fih dan id-dokument. Fil-fatt l-istess artiklu jgħid li d-dokument tal-Partit Nazzjonalista ta’ Qabel il-Budget, mhuwiex professjonali u mhux denju ta’ Partit li qed jaspira li jkun Gvern alternattiv.
Hawn il-MaltaToday issostni wkoll li dan jinkludi fih użu ta’ lingwaġġ infantili u saħansitra xi drabi ma Jinfthiemx.
Dakinhar tad-tnedija tad-dokument il-midja indipendenti staqsiet lil-Bernard Grech ukoll għaliex kien dam biex nieda dan id-dokument, meta l-Gvern kienu ilu li ppubblikah aktar minn xahar qabel.
Quddiem din il-mistoqija Bernard Grech kellu skuża lesta.
“Dan id-dokument kellu jiġi varat qabel illum. Tapprezza li din il-ġimgħa kien hemm żviluppi partikolari u li kellna nimmodifikaw anki t-timeline ta’ meta stajna nvarawh.”
Intant fl-intervista tiegħu tal-Ħadd, il-Kap Nazzjonalista aċċenna għall-Budget li se jkun qed jitħabbar it-Tnejn.
Huwa insinwa li jrid il-Gvern inaqqas l-ispiża tiegħu.
“Jiena qed nippretendi li l-Gvern se jgħidilna fejn mhux se jibqa’ jberbaq il-flus tal-poplu Malti u Għawdxi.”
Din l-ispiża, li skont Bernard Grech hija tberbiq tal-fluq, qed tmur biex il-Gvern iżomm il-kontijiet tal-enerġija stabbli biex b’hekk Malta għandha t-tieni l-inqas rata ta’ inflazzjoni.
Dan apparti investimenti kbar favur sistema tas-saħħa fost l-aqwa fid-dinja u fil-qasam edukattiv favur uliedna.