F’intervista fuq ir-radju tal-Knisja Bernard Grech komplja jipprova jġaħġah ir-riżultat elettorali li kiseb il-Partit Nazzjonalista fl-aħħar elezzjoni ġenerali.
Dan f’tentattiv li jibqa’ jidher bħala Kap denju li jmexxi lill-Partit Nazzjonlista speċjalment quddiem il-konferma li qed jaffaċċja fil-Kunsill Ġenerali tal-istess Partit.
Mistoqsi dwar ir-riżultat elettorali Bernard Grech tenna li jħoss li bih fit-tmun, il-Partit Nazzjonlista għamel ħafna.
Hu qal, “Inħoss li għamilna ħafna bil-ħidma ta’ kulħadd però żgur bit-tmexxija tiegħi.”
Bernard Grech xejjen ukoll l-għajdut li l-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola, tista’ toħodlu postu malli jispiċċala t-terminu bħala l-President tal-Parlament Ewropew.
Grech qal, “Ikun hemm min ikun hemm Kap tal-Partit Nazzjonalista fil-futur, jekk ikun immedjat u anke jekk mhux immedjat xejn ma hu se jsir għax inbidel il-Kap biss.”
Minkejja l-ħafna pompa ta’ Bernard Grech fuq l-importanza tat-tiġdid fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, huwa rrimarka wkoll li jixtieq ikompli juża lil Deputati Nazzjonalisti bħal Chris Said u Mario de Marco, li tħallew barra mix-shadow cabinet tiegħu.
Hu qal, “Għadhom xorta parti mill-options li jien nixtieq nuża biex il-Partit jimxi ’l quddiem.”
Bernard Grech ħareġ għonqu wkoll għal Christian Peregin minkejja li l-kampanja tal-Partit Nazzjonalista kienet mifnija żbalji u kontradizzjonijiet fosthom fil-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista.
Manifest elettorali li kien hemm sitt verżjonijiet tiegħu u li kienu mifnijin żbalji u miżuri ripetuti.
Hu qal, “Fil-kampanja li fdajtlu naħseb għamel biċċa xogħol tajjeb ħafna bil-limitazzjonijiet kollha tagħna.”
U b’referenza għal dak li rrappurtat li kellu paga ta’ ’l fuq minn sittin elf ewro u li għalih hemm rabja kbira fid-Dar Ċentrali, Bernard Grech qal li ma jeskludix li jerġa’ jkun impjegat tal-Partit Nazzjonalista.
Grech qal, “Għadu jikkontribwixxi b’modi li nkun qed nitlob jiena jew niddiskuti u nħabbat xi ideat jew jekk ikun hemm bżonn navdalu xi task partikolari. Żgur li Chris Peregin huwa persuna li għandu ħafna x’joffri u fadallu ħafna x’joffri. Bħalissa mhux impjegat.”
Azzopardi staqsa,“Imma hemm ċans li jkun?”
“Ma neskludi xejn”, wieġeb Grech.
Hekk kif l-intervista kienet irrekordjata l-Ġimgħa filgħaxija, Bernard Grech ħass li għall-aħħar ftit sigħat żmien fejn kandidati interessati kellhom jitfgħu l-espressjoni ta’ interess għall-kariga ta’ Kap Nazzjonalista, kellu jkompli bil-kampanja tiegħu ta’ twerwir.
Dan fost oħrajn billi jqatta’ parti kbira mill-intervista jitkellem fuq id-dejn tal-Partit Nazzjonalista madankollu mingħajr qatt ma jġorr ir-responsabbiltà hu.
Grech qal, “Id-dejn sar f’tul ta’ ħafna snin u dejjem baqa’ tiela b’mod gradwali.”
Fost oħrajn kompla jwaħħel fil-midja tal-Partit Nazzjonalista.
Hu qal, “Il-midja tagħna li bla dubju għandha l-ispejjeż tagħha rridu naraw kif se jonqsu dawk l-ispejjeż.”
Hawn huwa ta’ indikazzjoni oħra li l-ħaddiema tal-Partit ser ikollhom jġorru l-piż ta’ din il-problema finanzjarja.
Grech qal, “Kulħadd irid anke japprezza li jista’ jkun minn hawn inti jkollok bżonn tmur taħdem hawn u minn hawn ikollok bżonn tmur taħdem hemm.”
Intant biex il-Partit Nazzjonalista joħroġ minn din is-sitwazzjoni finanzjarja mwegħra, Bernard Grech talab għall-għajnuna tal-poplu.
Grech qal, “F’Lulju li għadda bdejna skema fejn aħna tajna l-possibiltà li dak li jkun jagħmel standing order mal-bank u fil-fatt bgħatna l-leaflets fid-djar biex kull xahar jagħti €5, €10, €20 skond kemm ikun komdu. Jiena se nkun qed nerġa’ nsemmiegħa din biex ikun hemm aktar nies li potenzjalment jittħajru jidħlu fiha din.”