Jitgħajjar, jattakka u bis-soltu estremiżmu tiegħu jsejjaħ lil Malta mafjuża.
Fuq ix-xandir nazzjonali, mal-ġurnalist t’esperjenza Saviour Balzan, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech spiċċa jitkellem fuq il-ħażin ta’ qablu u skontu l-firda spiċċat.
“Trid tara l-partit kif kien sena ilu, f’liema sitwazzjoni konna u f’liema sitwazzjoni qegħdin illum. Żgur li bħala partit kif jaħdem u jirrelata l-partit, illum huwa ħafna aħjar milli konna sena oħra. Mil-ġlied li kien hemm anke evidenti qabel illum m’għandekx l-istess problema” qal Grech.
Dan qalu anki jekk sa ftit tal-jiem ilu, huwa kkundanna lil Adrian Delia u qallu li l-mossa tal-Fosos kienet inaċċettabbli.
F’programm ta’ siegħa, Bernard Grech ħa ħsieb ukoll li jfaħħar lil tar-Repubblika u Manuel Delia, li jiltaqa’ magħhom biex jiddiskuti strateġija politika.
“Jien naħseb illi Manuel Delia u Repubblika u l-NGOs l-oħra jew aħjar is-soċjetà ċivili, biex nagħtu termini aktar wiesa’ relatat mal-qagħda politika fil-pajjiż, għandhom irwol importanti.”
Saħansitra talab biex tar-Repubblika u Manuel Delia jsibu l-flus ħa jkomplu għaddejjin.
“U j’Alla jsibu s-saħħa u anke l-finanzi biex jibqgħu jagħmluh.”
Bħal ma għamel fuq il-Fosos, Bernard Grech tkellem fuq li jrid il-poter f’idu.
“U nixtieq inkun Prim Ministru… U jekk jien inkun il-Prim Ministru ta’ dan il-pajjiż… biha Prim Ministru ta’ dan il-pajjiż.”
F’programm ta’ siegħa spiċċa jattakka l-Gvern tal-Prim Ministru Robert Abela, fuq ir-riformi li twettqu fuq is-saltna tad-dritt fost oħrajn.
Riformi li anki l-President tal-Kummissjoni Ewropea rrimarkat għalihom f’diskors importanti fil-Parlament Ewropew.
“Dawk ir-riformi waslu biss fuq il-karta.”
Bernard Grech kompla mad-diskors perikoluż tiegħu fuq il-Fosos u anki attakka l-Prim Ministru, għaliex skontu, dak li meta ġie biex imexxi l-pajjiżna, affaċċja pandemija li laqtet lid-dinja kollha, sab is-sodda mifruxa.
“Li sab sodda mifruxa dejjem f’ħajtu.”
Il-Kap tal-Oppożizzjoni imbagħad reġa’ wera l-inkonsistenza tal-Partit Nazzjonalista fuq il-mina, il-partit li fil-Parlament ivvota favur il-proġett u anki wiegħed l-istess proġett iżda issa reġa’ bdielu.
Saviour Balzan: “Il-mina, x’inhi l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista? Xi kultant nibda nitfixkel. Jiġifieri qed tgħid referendum mill-Għawdxin fuq dan is-suġġett?”
Bernard Grech: “Iva”
Meta imbagħad il-Kap tal-Oppożizzjoni reġa’ beda jgerger li sejjer ħażin fis-surveys u jwaħħal fix-xandir nazzjonali, filwaqt li jqabbel kemm jidher hu u ħaddieħor, pront il-preżentatur fakkru jagħmel distinzjoni bejn aħbarijiet tal-Gvern u ta’ partit.
Saviour Balzan: “Irridu nidefenixxu wkoll id-differenza bejn li tirraporta aħbar, aħbar ta’ Gvern, aħbar ta’ Partit.”
Lejn tmiem il-programm imbagħad, Bernard Grech ftaħar bil-passat ta’ Simon Busuttil u li hu żammu, fosthom l-iskema sigrieta taċ-ċedoli li biha l-Partit Nazzjonalista qed jgħaddi baxx baxx mil-liġi tal-finanzjament tal-partiti.
“Anke b’diversi skemi li aħna ħriġna nkluż pereżempju l-iskemi taċ-ċedoli li kienet suċċess kbir.”