Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech reġa’ semma li hu għandu pjan ekonomiku għall-pajjiż, l-istess wieħed li ppreżenta qabel l-elezzjoni ġenerali li kien mifni mimli żbalji fi programm elettorali li għalih ħarġu numru ta’ verżjonijiet differenti waqt kampanja elettorali ta’ ħames ġimgħat.
F’intervista ma’ The Malta Independent, il-Kap Nazzjonalista attakka lill-Gvern Laburista li skontu ma għandux idea fuq l-ekonomija f’perjodu ieħor fejn il-Fond Monetarju Internazzjonali u d-DBRS ikkonferma tkabbir ekonomiku għal Malta.
Minflok, Grech qal li tiegħu biss hu tajjeb.
“Aħna qabel l-elezzjoni ħejjejna pjan ekonomiku ċar.”
F’intervista ta’ madwar nofs siegħa mad-Deputat Editur tal-Independent Kevin Schembri Orland, il-Kap Nazzjonalista reġa’ semma l-pjan ekonomiku tiegħu tal-programm elettorali għal darba oħra.
“U allura huwa pjan ekonomiku li jagħmel sens.”
Dikjarazzjoni li qalha fl-istess perjodu li ftaħar li l-Partit Nazzjonalista huwa l-partit li jkollu l-costings anki jekk fl-aħħar elezzjoni ġenerali ħalla n-nies mingħajrhom meta kienu bdew jivvutaw.
Mistoqsi dwar jekk naqasx id-dejn wara li kien iddikjara li l-Partit Nazzjonalista għandu dejn ta’ tnejn u tletin miljun ewro, baqa’ ma qalx ċifra jekk naqasx iżda kkonferma li s-sitwazzjoni tal-partit għadha mwergħa.
“Fadlilna x’nagħmlu. Għadni m’iniex kuntent.”
Huwa baqa’ indeċiż fuq il-futur tiegħu, b’sieq ’l hemm u sieq ’l hawn iżda b’battuti ċari lejn Roberta Metsola, fl-istess jum li ġiet żvelata storja dwar l-istil ta’ ħajja extra-vaganti tagħha, Bernard Grech kompla jibgħat messaġġ li min kellu jiġi, missu ġie u issa hu l-Kap.
“Imma jien nibqa’ ffukat u qiegħed iffukat biex inkompli naħdem bħala Kap tal-partit.”