Għat-tielet darba, f’temp ta’ ġimgħa, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech talab lill-Parlament biex il-Parlament jaġġorna ħalli jiddiskuti suġġett ieħor relatat mal-inkjesta Vitals.
Dan minkejja li, f’żewġ rulings simili li ta l-Ispeaker il-ġimgħa li għaddiet, diġà għamilha ċara li, skont l-Istanding Orders, dan ma jistax isir, hekk kif każi, li bħalissa hemm proċeduri kriminali dwarhom, jistgħu faċilment jiġu ppreġudikati.
Biex b’hekk Bernard Grech kompla jikkonferma kemm ma jitgħallem xejn mir-rulings Parlamentari.
Dan il-punt qajmu wkoll il-Prim Ministru Robert Abela b’reazzjoni għat-talba ta’ Grech.
“Jibqgħu jressqu talbiet fuq l-istess mertu li, imbagħad, jagħtuhom kemmxejn sfumatura differenti. Xi trid in-naħa l-oħra? Li din il-Kamra tiddibatti u mal-mument li niddibattu, mal-mument li jinbeda d-dibattitu, il-preżunzjoni tal-innoċenza ġiet lesa darba għal dejjem u għandek proċeduri quddiem il-qrati tagħna li ġew paralizzati.”
Il-Prim Ministru
Fil-fatt, għal darb’oħra, l-Ispeaker Anġlu Farrugia reġa’ ma laqax din it-tielet talba għal diskussjoni minn Bernard Grech bl-istess raġuni taż-żewġ rulings preċedenti.
Eżatt wara din id-deċiżjoni identika, li ma daqqitx għal widnejh, il-Kap tal-Oppożizzjoni reġa’ qam isabbat saqajh u jagħmel l-istorbju fil-Kamra.
Sadanittant, qabel l-istess ruling, Bernard Grech attakka lill-Ispeaker tal-Kamra u saħansitra alluda li dan jasal għar-rulings tiegħu bi ftehim mal-Prim Ministru u n-naħa tal-Gvern.
“Diġà jaf id-deċiżjoni x’sejra tkun u nittama li llum ma nitilqux mill-istess premessa.”
Bernard Grech – Kap tal-PN
Hawn ukoll il-Prim Ministru nnota l-ipokrezija tal-Partit Nazzjonalista u l-Oppożizzjoni.
“Mela l-Kap tal-Oppożizzjoni ilu ġimgħa jsabbat fuq sidru, għax jgħid li jien nattakka l-istituzzjonijiet u mbagħad, Sur President, f’wiċċek ma staħax jattakkak frontalment li qed jgħid u jinsinwa sfaċċatament f’din il-Kamra quddiem is-Sinjurija tiegħek li kien hemm xi ftehim dwar kif inti se tiddeċiedi ma’ din in-naħa. Ara vera ma tistħux intom u vera establishment li ma jistħix.”
Il-Prim Ministru Robert Abela