Il-Kap tal-Oppożizzjoni reġa’ kkonferma li għalih l-uniku politika vijabbli fis-settur tal-enerġija hi dik li jiddetta s-suq liberu, li tfisser li l-piż tas-settur tal-enerġija jitpoġġa kollu fuq in-nies b’kontijiet ogħla.
Dan ġie nnutat fi stqarrija mill-Partit Laburista, fejn intqal li b’dak li qal Bernard Grech reġa’ wera tassew x’jemmen, u li għalih mhux importanti li jipproteġi lin-nies.
Intqal li din mhix sorpriża għax kien diġà qal li l-prezzijiet f’Malta iridu jiżdiedu malli jiżdiedu ta’ barra. Imma issa qed imur pass oltre’ u jrid ineħħi l-fakulta’ li l-gvern ikun fl-aqwa pożizzjoni biex jgħin lin-nies.
Il-Partit Laburista sostna li fuq kollox ma’ Bernard Grech ma tafx fejn qiegħed għax jikkontradixxi lilu nnifsu.
Fil-manifest elettorali tiegħu stess, l-istess Kap tal-Oppożizzjoni kien wiegħed li se jżomm il-kontroll fuq l-enerġija. Issa bidel kollox ta’ taħt fuq. U dan meta qed nitkellmu fuq kwistjoni ta’ prinċipju.
Sadanittant, il-Partit Laburista qal li dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia, illum il-maskra ta’ Bernard Grech waqgħet għal kollox.
Intqal li kulħadd intebaħ li kien u għadu jinteressah biss mill-partiġjaniżmu u mhux mill-ġustizzja.
Jekk kien hemm xi ħadd li wera bl-iktar mod ċar li ma kellux x’jaħbi kien il-Prim Ministru li dejjem insista għall-ġustizzja u saħansitra ppubblika b’mod sħiħ l-inkjesta maġisterjali mal-mument li kienet għandu.
Il-Partit Laburista temm jgħid li għal darb oħra l-Kap tal-Oppożizzjoni, li hu kompromess mill-fatt li tpoġġa fil-kariga biex jaqla’ lil ta’ qablu, irrepeta l-gideb tal-establishment, li poġġih fil-kariga.