Bernard Grech għażel li jerġa’ jibbottja lill-kandidati li fl-ewwel jum tal-kampanja elettorali rtiraw f’daqqa u ma jridux joħorġu f’isem il-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni ġenerali.
F’attività politika fl-Imsida, meta kien mistoqsi dwar id-Deputati Mario Galea, Kristy Debono u Clyde Puli, spiċċa jgħid li huma dawk li ma telqux li jridu jaħdmu għall-pajjiż.
“Jien jekk jista’ jkun ma jitlaq ħadd għax jien kburi b’kull persuna li jaħdem għall-ġid ta’ pajjiżna.”
Din mhux l-ewwel darba li Bernard Grech għamel din il-botta.
Dan l-istess kliem kien qalu lill-alleat tal-eks kap Nazzjonalista Adrian Delia meta rriżenja mill-Partit Nazzjonalista.
Colin Deguara: “Din il-ġimgħa telaq André Grech. Għaliex qed jitilquk daqstant nies fil-Partit Nazzjonalista?”
Bernard Grech: “Min irid jaħdem għall-ġid ta’ pajjiżna jista’ jibqa’.”
F’diskorsu huwa spiċċa jiftaħar li l-Partit Nazzjonalista ħareġ il-programm elettorali mal-ewwel.
Dan għalkemm wara li ġie approvat il-programm elettorali li ma fih l-ebda costing ġie emendat għal minn tal-inqas tliet darbiet fi ftit jiem.
“Dan il-partit, minn mitt siegħa wara li bdiet, anzi lanqas mitt siegħa eh, kif jgħid David, għax David dejjem jikkalkula sew, David Agius. Lanqas mitt siegħa, hawn qiegħed hux? Lanqas mitt siegħa malli l-Prim Ministru qal id-data tal-elezzjoni, ħriġna bil-programm elettorali.”
Fl-istess diskors Bernard Grech kompla jkun il-wiċċ tal-passat u spiċċa jitkellem dwar Gvernijiet Nazzjonalisti.
“Kif għamilna kull meta konna fil-Gvern.”
Grech, li qed jaspira li dan ix-xahar isir Prim Ministru, reħielha jtenni diskors diviżiv u jgħajjar lil-Laburisti.
“Tal-Labour dejjem hekk. Fil-verità huma li ma jinbidlu qatt.”
Fl-istess intervista kien mistoqsi x’ser ikun qed jagħmel jekk jitlef l-elezzjoni ġenerali li jmiss, b’Bernard Grech ma jeskludix li jibqa’ ggranfat mas-siġġu ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, bħal ma kien qal eżatt Lawrence Gonzi qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013.
“X’se jiġri wara? Jien nibqa’ npoġġi lili nnifsi għall-partit.”
Huwa spiċċa jgħid li madankollu llum huwa Kap tal-Partit Nazzjonalista u mhux bidillu.
“Dak iż-żmien użajt il-kelma bidillu. Ma sirtx bidillu, sirt il-Kap tal-Partit.”