Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech xejjen l-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika u qal li l-enerġija tiegħu ma tiġix minn numri.
Dan qalu fil-maratona li biha ried jiġbor il-flus għall-Partit Nazzjonalista wara li ftit tal-jiem ilu attakka s-surveys u qal li dawn huma bħar-referee mixtri
Qal, “Jiena l-enerġija tiegħi ma tiġix minn numri, l-enerġija tiegħi tiġi mill-konvinzjoni.”
Huwa tkellem ukoll dwar il-liġi dwar l-użu responsabbli tal-Kannabis li firdet lill-Partit Nazzjonalista.
Fuq l-istazzjon tiegħu ammetta li daqqa kien il-Punent u daqqa l-Lvant.
Qal, “Għalhekk anke kellna dikjarazzjonijiet li kultant varjaw.”
Dwar din il-liġi, minkejja li rapporti u sorsi fi ħdan id-Dar Ċentrali qalu li Bernard Grech mal-Grupp Parlamentari mbotta biex il-Partit Nazzjonalista joħroġ favur din il-liġi, il-Kap ipprova jaħbi l-ġlied intern li kien hemm u qal li l-Partit Nazzjonalista mexa mal-prinċipji tiegħu.
Qal, “Aħna nimxu fuq il-prinċipju u l-prinċipju nżommuh dejjem.”
Intant tul l-intervista tiegħu Grech ma felaħx ma jikkritikax lill-Partit Laburista u l-Gvern. Dan minkejja l-ġid kbir li nħoloq fl-aħħar snin favur kull faxxa tas-soċjetà Maltija, Bernard Grech qal hekk.
Qal, “Il-Partit Laburista kien dejjem dak il-partit li ried jgħalaq biċ-ċavetta kull aspirazzjoni u kull opportunità liż-żagħżugħ Malti, għall-ħaddiem Malti, għall-istudent Malti, għall-professjonista Malti.”
Ma naqasx li fl-aħħar jitkellem b’ċertu negattività fuq Malta u kompla ma’ dak li kien isostni, li jistħi jgħid li hu Malti.
Qal, “Nerġgħu nġibuh ġawrha f’nofs il-Mediterran.”