Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech kien mistoqsi għal numru ta’ proposti f’intervista li kellu ma’ ġurnalist tal-gazzetta Illum.
Wara kważi nofs siegħa jitkellem, il-ġurnalist staqsih jekk għandux xi proposti biex jitwettqu f’pajjiżna.
“Iktar milli preparati, proposti għandkom, hemm xi proposta waħda partikolari illi anki issa tixtieqha titwettaq xi tkun. Mela l-ewwel ħaġa jiena diġà semmejt numru ta’ proposti.”
Bernard Grech wieġeb hekk fuq il-proposti u fost l-oħrajn irrefera lil kulħadd għad-dokument ta’ qabel il-budget, li ħejjiet l-Oppożizzjoni hekk kif laħħqet lilu Kap tal-Partit Nazzjonalista.
“U se jkollna wkoll programm elettorali li se jkollu wkoll numru wiesa’ ta’ proposti. Pero jekk tara l-pre-budget document fih ukoll ħafna diġà proposti ekonomiċi.”
Id-dikjarazzjoni ta’ Grech biex inħarsu lejn id-dokument ta’ qabel il-budget fakkritna f’waħda mill-proposti mniżżla, fejn fid-dokument, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista immexxija minn Bernard Grech kienet saħqet fuq il-ħtieġa ta’ konnettività permanenti bejn iż-żewġ gżejjer.
Saħansitra, il-Partit Nazzjonalista, illum immexxi minn Bernard Grech kien wiegħed il-proġett tal-konnettività permanenti bejn Malta u Għawdex fil-programm elettorali tiegħu, bħal ma kien għamel il-Partit Laburista, li kiseb mandat b’saħħtu mill-elettorat.
Iżda l-istess Grech, li l-Ħadd rreferina għad-dokument ta’ qabel il-budget biex naraw x’inhuma l-proposti tiegħu, sa xahar u nofs ilu qalilna hekk.
“Kif diġa kelli l-opportunità ngħid fil-Parlament isir referendum bejn l-Għawdxin”
Din id-dikjarazzjoni ta’ u-turn enomi kienet wasslet għar-reazzjoni ta’ bosta fosthom tal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija, li saħqet li l-fatt li issa l-Kap tal-Oppożizzjoni jrid referendum, iġib inċertezza wara li kien hemm qbil fuq li l-proġett isir fil-Parlament.