Gvern Laburista qed joffri tariffi vantaġġjużi ta’ 20 sena għal min investa fil-pannelli fotovoltajiċi.
Qalet dan il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli waqt li kienet qed tieħu l-mistoqsijiet tal-ġurnalisti.
Meta mistoqsija minn Net News dwar it-tariffa preċedenti u l-kritika tal-Partit Nazzjonalista fil-konfront tagħha, Dalli rrimarkat kif fil-fatt il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qed jikkritika t-tariffa ta’ skema li introduċa Gvern Nazzjonalista stess.
Il-Ministru Dalli stqarret: “Qed nieħu gost nisma’ lill-Partit Nazzjonalista jitkellem fuq feed-in tarriff għaliex l-istatements li qed jagħmel il-PN juru l-ipokrezija ta’ Bernard Grech u l-PN, għaliex dawn huma skemi li introduċa l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern li skadew u li llum il-ġurnata qisu bħal donnu l-Partit Nazzjonalista rrealizza.”
Intant hekk kif it-tariffa li introduċa Gonzi PN issa skadiet, għaliex kienet skema għal tmien snin, Gvern Laburista introduċa tariffa fuq perjodu ta’ 20 sena u li b’hekk toffri aktar stabbiltà fid-dħul ta’ min investa fil-pannelli fotovoltajiċi.
Il-Ministru Dalli sostniet: “Ovvjament bħas-soltu Gvern Laburista ħa jkun qed joffri s-soluzzjonijiet kif diġà bdejna nagħmlu fil-fatt qed noffru feed-in tariffs mhux li llum il-ġurnata mhux jiskadu wara 8 snin imma jkopru 20 sena sħaħ u se nkunu qed inkomplu noffru soluzzjonijiet għal dawk in-nies li investew fil-panelli.”