Wara li l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech, inqabad iqarraq bil-Qorti għall-iskopijiet partiġġjani tiegħu, huwa kompla jattakka lill-istess istituzzjonijiet.
Dan waqt kollegament telefoniku fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Nazzjonalista l-Ħadd filgħodu ftit jiem wara li l-Qorti ċaħditlu t-talba, biex tinstema’ b’urġenza kawża li ħabbar b’tant pompa li se jagħmlu waqt maratona ġbir ta’ fondi.
Fil-fatt, it-Tlieta Bernard Grech ħareġ mill-Qorti jattakka lill-Avukat tal-Istat fuq il-kwistjoni tal-isptarijiet, li dwarhom il-Gvern ilu għal dawn l-aħħar xhur f’Arbitraġġ Internazzjonali u diġà rebaħ żewġ istanzi bl-ispejjeż kontra Steward Healthcare, fi proċeduri li fihom il-Gvern bl-assistenza tal-istess Avukat tal-Istat qed ifittex lil din il-kumpanija.
Madankollu f’deċiżjoni li ta l-Ġimgħa, fil-Prim’Awla Ċivili, l-Imħallef Giovanni Grixti ċaħad it-talbiet ta’ Bernard Grech u l-eks Kap Adrian Delia li talba li l-każ tagħhom ikun mismugħ b’urġenza.
Dan anke wara li l-Avukat tal-Istat ħass li kellu jissenjala lill-Qorti, illi l-Kap tal-Oppożizzjoni kien ħalef falz f’diversi istanzi tar-rikors maħluf li biħ ġiet istitwita l-kawża.
Iżda quddiem dan kollu, Bernard Grech il-Ħadd filgħodu qal hekk.
“Għaliex meta jgħidu li dak li għidt jien taħt ġurament il-Qorti kien ġurament falz, allura jkunu qegħdin jippruvaw jgħalqulna ħalqna u lil ma hu se jgħalqilna ħalqna ħadd.”
B’hekk, b’din id-dikjarazzjoni, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech għamilha ċara wkoll li se jkompli jippreġudika u jxekkel l-interess nazzjonali hekk kif bħalissa għaddejjin il-proċeduri f’arbitraġġ internazzjonali.
Dan anke kontra l-appelli mill-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard fejn f’konferenza tal-aħbarijiet sostna li b’azzjonitu l-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech huwa intiż biss biex jiskorja l-punti politiċi, minflok iħares l-interessi ta’ pajjiżna.