Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech kompla jinqabad fuq sieq waħda fuq il-costings għall-wegħdiet tiegħu u beda jattakka lill-ġurnalisti għaliex jistaqsi kemm se jiġu jiswew il-proposti tal-Partit Nazzjonalista.
Fiż-Żejtun, Bernard Grech baqa’ ma lissinx imqar kelma dwar kemm se jiswew il-wegħdiet tiegħu.
Grech tenna, “Issa n-naħa l-oħra fadlilhom arma waħda, “Imma kif se tħallsu kif? X’inhuma l-costings? Kif se naffardawhom?” Din hija d-differenza. Dawn għadhom ma fehmux. Dawn għadhom ma fehmux.”
Intant Bernard Grech b’pompa liema bħalha ftaħar dwar il-preparazzjoni tal-Partit Nazzjonalista quddiem din il-kampanja elettorali.
Dan minkejja li mal-ewwel jum irtiraw il-kandidatura tagħhom erba’ kandidati prinċipali filwaqt li l-manifest elettorali ġie emendat għal darba, tnejn, tlieta.
Hawn qal, “Hekk taraw l-aħwa li dan huwa partit li huwa preparat. Huwa prepara, huwa ċar biex jikkampanja.”
Ma naqasx li tul l-attività politika, Bernard Grech jitkellem ukoll dwar l-ingredjenti fil-kejkijiet, primarjament l-ilma.
Il-Kap Nazzjonalista stqarr, “Anke biex tagħmel jien naf, semmi xi ħaġa, double kejk? Hemm xi ingredjent wieħed li tista’ tneħħi biex tagħmel kejk? L-ilma tant huwa sempliċi. Tista’ tagħmel kejk mingħajr ilma? Ma nafx insaqsi lilkom.”
Tenna wkoll l-importanza taż-żejt għad-dieta.
Bernard Grech tenna, “Iż-żejt kienu u għadu element importanti ħafna fid-dieta.”
Dak li jistħi jgħid li hu Malti mbagħad spiċċa jattakka lill-Prim Ministru fuq il-kburija għall-pajjiż.
Qal hekk, “Mhux imbilli jkollok Prim Ministru jgħidlek “Kemm jien kburi li jien Malti.”