Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech sejjaħ l-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju bħala dak li ddeskriva “passaġġ għall-pass li jmiss”.
Hu qal dan f’intervent fuq l-istazzjon televiżiv tiegħu t-Tlieta waranofsinhar, b’reazzjoni wkoll għall-proċeduri li bdew fil-Qorti.
Qal, “L-elezzjoni li ġejja hi biss passaġġ, passaġġ għall-pass li jmiss.”
L-intervent ta’ Grech kien iddominat minn diskors dwar il-messaġġ li jrid jintbagħat fi tmienja ta’ Ġunju.
Qal, “Irid jinbidel minn qiegħed imexxi.”
Dawn id-dikjarazzjonijiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni jsegwu oħrajn li għamel tul din il-kampanja, li joħorġu fil-beraħ il-mottiv tal-Partit Nazzjonalista għal-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju li ġej, bl-iskop li jasal għall-poter.
Waqt li ddeskriva l-jum tal-lum bħala ġurnata sewda, Grech sostna li l-perċezzjoni li qed tingħata dwar pajjiżna hi dik ta’ ġungla, waqt li kompla bir-retorika konfrontattiva lejn kull minn ma jaqbilx miegħu, b’mod partikolari b’attakki fil-konfront tal-Prim Ministru.