Huwa ta’ għajb li fejn kellha tintwera u tipprevali l-maturità, il-Kap tal-Oppożizzjoni rrikorra għal tattiċi perikolużi u viljakki biex mingħalih jipprova jieħu xi vantaġġ politiku.
Fi stqarrija mill-Partit Laburista ntqal li l-Prim Ministru, dalgħodu semma biss fatt sagrosant. Dan huwa li wara stedina ta’ kafè fid-Dar Ċentrali, Bernard Grech mar jirrapporta lill-Prim Ministru lill-Magistrat Inkwirenti u ipprova jimplikah ma’ mewt ta’ persuna.
S’hemm kapaċi jasal il-Kap tal-Oppożizzjoni biex mingħalih jaħtaf il-poter. U minn fuq jippretendi li l-poplu ma jkunx jaf bl-aġir kattiv tiegħu.
Intqal li Dr Abela qagħad attent li lanqas isemmi ismijiet fid-diskors tiegħu, b’rispett lejn il-familjari, filwaqt li hi l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista li tidentifika għal liema inkjesta rrefera l-Prim Ministru, u allura tikkonferma dak li qal il-Prim Ministru.
“Pajjiżna qatt ma għandu jinżel f’dan il-livell”, temm jgħid il-Partit Laburista.