Sigħat biss wara li ħarġet fil-beraħ ġlieda oħra fil-Partit Nazzjonalista, li ħafna minnha saret fuq il-midja soċjali, il-kap Bernard Grech spiċċa kellu jmur fuq l-istazzjon televiżiv tal-partit biex jitlob lill-esponenti u l-partitarji biex ma jikkritikawx lill-Partit fuq il-midja soċjali.
Osservaturi politiċi rrimarkaw li, minn wara l-elezzjoni ġenerali, il-kunflitti fil-Partit Nazzjonalista żdiedu u mhux naqsu, u Bernard Grech baqa’ ma rnexxilux jikseb tabilħaqq kontroll tas-sitwazzjoni fil-partit. Sadattant, il-midja soċjali baqgħet arena ewlenija fejn isiru ħafna mill-botti fil-beraħ bejn in-Nazzjonalisti nfushom, kultant fini u kultant iktar diretti.
“Nagħmluha wiċċ imb wiċċ, nagħmluha f’kamra, nagħmluha f’laqgħa, mhux immorru fuq il-mezzi soċjali u nattakkaw u nikkritikaw. Dik il-kritika ma tasalx għandna. Dak huwa attakk, mhux kritika,” qal Bernard Grech waqt xandira diretta ta’ ġbir tal-fondi għall-PN.
Sorsi fid-Dar Ċentrali qalu lil ONE News li internament Bernard Grech deher qed jitkarrab, bħala parti minn sforz iddisprat biex irażżan lill-kritiċi tiegħu.
“Il-kliem fuq Facebook ma jsirx biex ittejjeb l-affarijiet, isir biex tagħmel il-ħsara,” qal Grech fuq in-Net TV hekk kif kompla jitkellem dwar kemm hu tajjeb dak li qed jagħmel hu għall-partit. Meta ntalab jagħmel appell, Bernard Grech qal li d-donazzjonijiet mingħand il-partitarji kellhom iservu ta’ apprezzament u grazzi għal dak li qed jagħmlu hu u ta’ madwaru.