Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech akkuża lil Adrian Delia li mar lura minn kelmtu fuq il-pożizzjoni tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista fuq l-emendi fil-liġi tal-IVF.
Huwa indika dan waqt kollegament telefoniku hekk kif kien qed jiġi mistoqsi dwar din il-materja tant importanti għall-familji Maltin u Għawdxin u li għal darb’oħra l-Partit Nazzjonalista kien maqsum dwarha.
Fil-fatt, il-Kap Nazzjonalista f’mument minnhom sostna li l-Grupp Parlamentari kollu qabel dwar l-emendi wara diskussjonijiet interni li ħadu 11-il siegħa.
Qal, “Il-Grupp kollu tal-Partit Nazzjonalista, u meta ngħid kollu kollu kien qabel anke dwar dan.”
B’hekk il-Kap Nazzjonalista nsinwa li Adrian Delia mar lura minn kelmtu fil-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista meta esprima li huwa kontra dawn l-emendi fil-liġi.
Fil-fatt, Adrian Delia flimkien ma’ numru ta’ Deputati Nazzjonalisti oħrajn kien ivvota kontra dawn l-emendi.
Qal, “Ħa nivvota le.”
Dan apparti li kien hemm Deputati oħrajn bħal Carm Mifsud Bonnici li għamluha ċara li minkejja l-assenza tagħhom għall-vot fl-istadju tat-tielet qari fil-Parlament, huma xorta kienu se jivvutaw ‘le.’
Intant Bernard Grech fil-kollegament telefoniku fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista, kompla jirrepeti l-iżball tal-Polar Body testing.
Żball li jikxef kif Bernard Grech ma qarax l-emendi proposti mill-Gvern hekk kif fil-fatt, il-Polar Body Testing, jiġifieri l-proċess ta’ ttestjar fuq il-bajd tal-mara, kien diġà mniżżel iswed fuq l-abjad f’dak propost mill-Gvern.
Minkejja dan Bernard Grech baqa’ jsostni li l-Partit Nazzjonalista ppropona hu dan il-proċess ta’ ttestjar.
Qal, “Aħna insistejna li dan it-test għandu jkun parti mil-liġi.” Hu kompla billi qal “Il-Partit Nazzjonalista kif għidtlek pproponejna kunċett ta’ ttestjar fuq il-bajd tal-mara jismu l-polar body testing.”
Bernard Grech ma naqasx ukoll milli jkompli jirrijafferma kif il-Partit Nazzjonalista fil-Parlament ivvota kontra l-iffirmar ta’ ftehim li l-art taż-Żonqor flimkien ma’ art f’Bormla tingħata lura lin-nies.