Bernard Grech spiċċa għamel u-turn wara l-oħra dwar wegħda oħra li qed jagħmel, dik li jespandi l-Port tal-Imġarr f’Għawdex.
Il-Ġimgħa filgħodu ONE News sebaħ jistaqsi lil Bernard Grech dwar din il-proposta.
Hekk kif staqsejnieh kemm ser ikun qed jirrovina art ODZ f’Għawdex għal dan il-proġett huwa dlonk ikkonferma li dan il-proġett ser isir permezz ta’ żvilupp fuq l-art.
Quddiem il-mistoqsija kemm ser jirrovina art ODZ għall-espansjoni tal-port tal-Imġarr Għawdex, Bernard Grech ammetta li m’għandux kalkoli.
Madankollu sa siegħa u nofs wara Bernard Grech biddel il-verżjoni u minn proġett fuq art ODZ issa qal li ser jagħmel reklamazzjoni tal-art u jibni fuq il-baħar.
Hawnhekk ukoll għamel u-turn oħra għaliex sa jumejn qabel waqt attività politika fl-Imsida Bernard Grech stess kien qal li ma jixtieqx jagħmel reklamazzjoni tal-art max-xatt għaliex dan għandu impatti ambjentali u jħassar il-valur pittoresk tal-post.
Saħansitra kien qal kif ser ikun qed jistenna biex ikun fil-Gvern biex jagħmel l-istudji neċessarji biex tkun tista’ ssir reklamazzjoni tal-art f’pajjiżna.
Iżda issa jumejn wara Bernard Grech fattarha li jekk ikun Prim Ministru ser ikun qed jagħmel reklamazzjoni tal-art biex ikabbar il-Port tal-Imġarr f’Għawdex.
Il-ġurnalist ta’ ONE News għalhekk innota kif dawn id-dikjarazzjonijiet huma kunfliġġenti għal-aħħar anke fid-dawl li minn jumejn ilu Bernard Grech żgur ma wettaqx studji ġodda biex jara kif ser jagħmel dan il-proġett.
Viżibilment konxju li qiegħed jikkontradixxi lilu nnifsu qalilna nserrħu moħħna għaliex il-Partit Nazzjonalista huwa serju.