F’konferenza tal-aħbarijiet li tulha x-xemx ftit li xejn feġġet minn wara s-sħab, Bernard Grech xorta spiċċa jwaħħal fiha wara li nqabad jaqra mill-fuljett li suppost nieda hu stess.
Dan f’konferenza stampa li fiha Bernard Grech kellu jniedi s-suppost viżjoni tiegħu, iżda din baqgħet waħda vaga ħafna bid-diskors ta’ Grech innifsu ma jmiss mal-ebda punt li kien hemm f’dan il-fuljett. Il-fuljett li suppost kellu jiġbor il-viżjoni li suppost għandu Grech deher li kien ġdid għalih u li ma kien rah qatt qabel.
Iżda meta mistoqsi mill-ġurnalist ta’ ONE News għaliex kien qiegħed jaqra dan il-fuljett bħal donnu għall-ewwel darba waqt il-konferenza stampa stess, Grech ipprova jbenġilha.
Dan għalkemm kif jixhed ir-ritratt Bernard Grech evidentament kien qed jaqra bir-reqqa dak li kitbulu fil-fuljett, qabel jitla’ biex jagħmel id-diskors tiegħu. Evidentament mitluf jipprova jiġġustifika il-għaliex kien qed jaqra l-fuljett daqs li kieku rah għall-ewwel darba, huwa spiċċa jgħid illi poġġewlu l-podju b’tali mod li ma tgħammxux ix-xemx.
Dan għalkemm wieħed ma jistax jimmaġina kif kien jiġi jidher fil-filmati kieku ma poġġewhx dahru lejn il-veduta.