L-avukat Bernard Grech waħħal fit-tesserati u l-partitarji Nazzjonalisti għall-qasma kbira li hemm fit-tmexxija tal-Partit f’Tal-Pietà.
Dan deher biċ-ċar f’intervista fuq ir-radju tal-Knisja, is-Sibt filgħodu meta Dun Joe Borg saqsa lill-Grech dwar is-sitwazzjoni fil-Partit.
Affaċċjat b’din il-mistoqsija, Grech li jqis lilu nnifsu s-salvazzjoni għall-Partit Nazzjonalista, ma ddejjaq xejn ifarfar fuq it-tesserati u partitarji nazzjonalisti.
Mistoqsi wkoll minn Dun Borg li fi żmien Gvern Nazzjonalista tħabbeb sew maċ-ċrieki tal-poter, jekk hux ser ikun qed jikkontesta f’elezzjoni għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, f’każ li l-Kunsilliera Nazzjonalista jivvutaw favuriha fit-1 ta’ Awwissu, Grech qal li jrid jikkunsidra kollox speċjalment jekk il-Partit isejjaħlu.
Din id-dikjarazzjoni tmur id f’id mal-azzjonijiet ta’ Grech hekk kif fl-aħħar jiem baxx baxx nieda l-kampanja tiegħu billi beda jżur il-każini Nazzjonalisti.
Fil-fatt sorsi fid-Dar Ċentrali li fl-aħħar jiem tkellmu magħna, qalu li din il-mossa xejn ma għoġbot lin-nies ta’ Delia li interpretawha bħala waħda li fiha ħafna x’tifhem u li Bernard Grech diġà qed joħroġ għan-nofs lil Delia.
Is-sorsi li tkellmu magħna kienu nstemgħu jgħidu wkoll li Grech beda jiltaqa’ mat-tesserati u l-partitarji sabiex jikkontesta għal Kap Nazzjonalista.
Dawk qrib l-Kap Nazzjonalista qalulna li mhux eskluż li Bernard Grech huwa persuna imbuttata mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil sabiex jieħu post Adrian Delia.
Fil-fatt fil-jiem li għaddew fil-Qorti waqt li d-deputat nazzjonalista Jason Azzopardi beda jagħmel il-mistoqsijiet waqt l-inkjesta pubblika b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Bernard Grech għamel xi ħin fl-awla jisma’ lil Jason Azzopardi.