Ftit sigħat qabel mal-poplu Malti hu msejjaħ biex jagħżel lill-membri, li se jirrappreżentaw lil pajjiżna fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsilli Lokali, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech reġa’ kkonferma li s-sussidji, li qed jagħti l-Gvern biex iżomm stabbli l-prezzijiet tal-enerġija u l-fuels, għandhom jieqfu.
Dan għax skont Grech, mhumiex sostenibbli.
Lil Grech sibnieh eżatt kif spiċċa l-aħħar dibattitu tal-Awtorità tax-Xandir, li fih ukoll beda jmeri dak li qal hu stess.
“Sussidji. Gidba li ilu jipperpetwa għal dawn l-aħħar xhur. Saqsejtu … Għidli fejn għidtha?”
Kif ħareġ mid-dibattitu ffaċċjnih bid-dikjarazzjonijiet li kien qal hu stess u saħansitra reġa’ rrepeta dak li kien qal.
ĠURNALIST: “Dan tiċħdu jiġifieri?”
BERNARD GRECH: “Le ovvjament, dawn huma clips selettivi, fejn jien spjegajt l-importanza ta’ sussidji, però wkoll irridu nifhmu li, iva, is-sussidji li jkunu qed jingħataw qegħdin jitħallsu proprju minn fondi li jkollu l-poplu u li qed jissellef il-poplu. Nibqgħu nemmnu li s-sussidju hu importanti illi jingħataw però, ejja nifhmu li s-sussidji mhux sostenibbli għal dejjem. Għaliex? Għax, fl-aħħar mill-aħħar, l-ekonomija trid tkompli tissaħħaħ u trid tibqa’ għaddejja b’saħħitha”.
Fid-dibattitu bejn iż-żewġ mexxejja, il-Prim Ministru Roberta Abela nnota l-problema ta’ kredibbiltà tal-Kap tal-Oppożizzjoni fen spjega li, bil-kontra, ta’ dak li trid l-Oppożizzjoni, li jekk il-prezz jogħla barra, jogħla f’pajjiżna, Gvern Laburista jassigura li kontijiet tad-dawl għall-familji u n-negozji jibqgħu stabbli, jiġifieri ma jogħlewx.