Wara l-attakk li l-Partit Nazzjonalista fetaħ fuq l-istazzjon nazzjonali, Bernard Grech issa nfexx f’attakk ieħor, din id-darba kontra l-Awtorità tax-Xandir.
Wara talba li għamel biex jiltaqa’ mal-awtorità huwa ltaqa’ mal-membri tal-awtorità inqas minn 24 siegħa wara.
Kif ħareġ mil-laqgħa, Grech qal hekk.
Qal, “Illum għandna konferma li l-Awtorità tax-Xandir mhux qiegħda tagħmel ix-xogħol kollu rikjest minnha u l-awtorità li għandha u r-responsabilità tagħha skond il-liġi.”
Bernard Grech ħrax fl-attakki tiegħu wara li l-aħħar surveys politiċi urew li kull ma jmur qed ikompli jnaqqas l-appoġġ tal-poplu.
Meta kien mistoqsi dwar dan huwa stqarr li l-Awtorità mhux tagħmel xogħolha sew.
Il-Partit Nazzjonalista ilu għal dawn l-aħħar ġimgħat jattakka l-istazzjon nazzjonali u jilmenta li d-deputati tiegħu mhux jidhru biżżejjed fl-aħbarijiet.
Permezz tal-Viċi Kap David Agius, ġimgħa wara ġimgħa kienu qed isiru l-konferenzi tal-aħbarijiet b’mod virtwali u mhux jistiednu l-ġurnalisti fiżikament preżenti quddiemhom u jitolbu biex id-deputati u l-kandidati tal-Partit Nazzjonalista jibdew jidhru iktar.
Dan anke jekk dak li jkollhom xi jgħidu ma jkunx denju li jkun innutat f’bullettin tal-aħbarijiet.