Il-Partit Nazzjonalista u Bernard Grech jridu li pajjiżna jikkontribwixxi finanzjarjament minn flus miġbura mit-taxxi, favur il-pjan biljunarju tal-Ewropa biex jinxtraw l-armamenti.
Dan hekk kif il-Ħadd waranofsinhar, b’reazzjoni għas-summit speċjali tal-Kunsill Ewropew, Grech ħareġ in-nies fit-toroq tal-Belt u ddikjara li l-għaqal jiġi mid-Difiża.
“L-għaqal jgħid li jrid ikollna wkoll id-Difiża.”
Il-Kap tal-PN Bernard Grech
Grech sostna dan fi sfond ta’ diskors tas-soltu minn tiegħu f’attivitajiet ta’ dawn it-tip. Diskors mimli għajjat u isteriżmu bħal dawk ta’ Simon Busuttil fost oħrajn, fejn saħansitra spiċċa jipprova jiġġustifika l-infieq tat-taxxi tal-poplu favur dan il-pjan, ma’ serqa minn dar.
“Tgħammar id-dar tiegħek bis-sigurtà. Jien naf. Twaħħal il-kameras. Twaħħal il-ħadid mat-twieqi, għax għaqli, għax taħsiblu, allura inti trid minn jisirqek.”
Il-Kap tal-PN Bernard Grech
Madankollu kellu jkun moment partikolari fid-diskors ta’ Grech li kixef kemm l-għarfien tiegħu fuq kwistjonijiet Ewropej huwa fqir.
Dan hekk kif il-Kap Nazzjonalista spiċċa ħawwad il-pajjiż li ma poġġiex ismu fil-konklużjonijiet tal-istess summit Ewropew. Huwa semma lill-Bulgarija minflok l-Ungerija.
“Il-Bulgarija vvutaw kontra ma ridux.”
Il-Kap tal-PN Bernard Grech
B’reazzjoni għal dan, il-Partit Laburista fi stqarrija tenna li dak li jġibu l-istunts politiċi li ma jkunux intiżi favur il-ġid tal-pajjiż iżda għar-rebħ ta’ punti partiġġjani biss.
Sostna kif min-naħa l-oħra Gvern Laburista jibqa’ kompost u b’għaqal ikompli jindirizza l-ħtiġijiet tal-pajjiż.
Intant, il-Partit Laburista fakkar ukoll li l-Gvern u l-Prim Ministru Robert Abela fl-aħħar summit speċjali Ewropew ġabu garanziji li flus il-poplu Malti jiddeċiedi kif jintużaw il-Gvern Malti u mhux imorru f’xi fond komuni biex jinxtraw armanenti għall-forzi armati barranin.