Bernard Grech irid isib skop għaliex jeżisti u issa jrid joħloq ġlieda mal-istazzjon nazzjonali u agħar minn hekk kontra l-Awtorità tax-Xandir, li fiha saħansitra għandu membri nominati minnu.
Dan qalu l-Partit Laburista, permezz ta’ stqarrija b’reazzjoni għall-kawża, li ppreżenta l-Partit Nazzjonalista, biex, skontu, il-PBS ma jkomplix inaqqar id-dritt tal-poplu li jirċievi l-informazjoni kollha.
Aktar kmieni llum, Bernard Grech ippreżenta ruħu l-Qorti, akkumpanjat mill-eks Ministru Francis Zammit Dimech u l-eks Segretarju Ġenerali Paul Borg Olivier, li jagħmlu parti mill-fazzjoni tal-establishment, li llum tiddomina fil-Partit Nazzjonalista.
Il-Partit Laburista qal li “hekk jagħmel min ma jkollux ideat għat-tmexxija tal-pajjiż. Hekk jagħmel min hu sfiduċjat fil-Partit tiegħu stess. Hekk jagħmel min għadu jfittex l-iskużi għaliex il-poplu ma fdahx.”
Qal li, fuq kollox, hekk jagħmel l-establishment li jħaddem politika ta’ bullying fuq l-istituzzjonijiet, liema bullying l-istess istituzzjonijiet m’għandhom qatt jaqgħu għalih, għax il-lealtà tagħhom hi lejn il-Kostituzzjoni u lejn il-pajjiż.
Ta’ min ifakkar li, b’din l-istess retorika, il-Partit Nazzjonalista faħħar jiem attakka wkoll lill-Kummissjoni Elettorali, fejn ukoll għandu membri li jirrappreżentaw lilu bħala Oppożizzjoni.
Il-Partit Laburista temm jgħid li, għalih, dan it-tip ta’ bullying mhux aċċettabbli.