Bernard Grech issa ser ikollu bżonn il-permess biex jitkellem. Dan wara li fl-aħħar grupp parlamentari li laqqa’ t-Tieta li għadda, id-deputati qalulu li ma jistax jibqa jipprova jagħmel ċertu dikjarazzjonijiet mingħajr ma jkun għadu ddiskutihom mal-Grupp u tawh it-timbru tal-approvazzjoni.
Hekk irrapportat il-gazzetta KullĦadd il-Ħadd filgħodu li spjegat kif il-qasma li ħolqot il-kwistjoni tal-Kannabis ffumentat rabja kbira miż-żewġ naħat, kemm minn dawk li għaddiet tagħhom u jaħsbu li l-Partit seta’ mexa aħjar, iżda b’mod speċjali minn dawk li huma favur u l-Kap waqqgħalhom kliemhom.
Il-fatt li Bernard Grech kien għamel dikjarazzjonijiet favur il-liġi tant li kien qal li l-Gvern ikkupjah fuqha, kien serraħ moħħ id-deputati li kienu favur ir-riforma, li għandhom l-appoġġ tal-kap dwar din il-kwistjoni.
Iżda għarralhom għaliex mal-ewwel pressjoni Bernard Grech malajr daqq l-irtirata u ħareġ iqatta’ l-liġi.
Il-gazzetta kompliet tirrapporta kif l-aħħar laqgħa tal-Grupp Parlamentari kienet waħda ta’ tensjoni għal dawk preżenti b’ David Agius saħansitra kellu jispiċċa jagħmilha tal-medjatur.
Evidenza tat-tensjoni li kellu l-istess David Agius kien l-aġir tiegħu hu u dieħel għall-laqgħa. Aġir li jitkellem waħdu.
Ftit wara l-laqgħa kien imiss lil Bernard Grech li jipprova jagħti l-impressjoni li l-Grupp Parlamentari huwa magħqud.
Dan b’ritratt ta’ numru ta’ deputati madwar mejda u b’David Agius jaqsam kejk għal għeluq sninu. Iżda dan ir-ritratt serva biex jikkonferma kemm numru mid-deputati birdu mit-tmexxija ta’ Bernard Grech.
Dan hekk kif mir-ritratt kien hemm deputati li kienu neqsin għaliex m’attendewx għal-laqgħa bħal Claudette Buttigieg, Chris Said, Therese Comodini Cachia u Kristy Debono.
Adrian Delia wkoll telaq qabel id-deputati l-oħra mil-laqgħa tal-Grupp Parlamentari tat-Tlieta li għadda.
Sorsi fi ħdan id-Dar Ċentrali qalu ma’ ONE News kif bosta deputati lanqas qed jindenjaw ruħhom imorru għal-laqgħat tal-Grupp parlamentari għaliex fi kliemhom jiddiskutu x’jiddiskutu, Bernard Grech xorta waħda jispiċċa jgħaxxaqha waħdu.
Mal-publikazzjoni tas-survey tat-Times il-Ħadd filgħodu l-pressjoni fuq Bernard Grech ser tkompli tikber.
Filwaqt li hu qed jipprova jitfa’ t-tort tar-riżultati fqar fis-surveys, fuq id-deputati tiegħu, anke f’laqgħat li kellu b’mod individwali magħhom, il-korla għal dawn l-akkużi qed tiżdied.
Fost l-oħrajn, kien irrappurtat kif id-deputat Nazzjonalista Mario Galea inkorla mhux ftit għal dawn l-akkużi u affaċċja lil Grech waqt laqgħa bi Grech iwieġbu li jekk ma jogħġbux għandu jitlaq.
Iżda għal dan Mario Galea qallu li huwa hu stess li għandu jitlaq għaliex ma ġiex elett fil-parlament mill-poplu.
Dan l-aħħar Bernard Grech qiegħed jaffaċċja wkoll kritika min-nies li tradizzjonalment huma meqjusa bħala qrib tal-Partit Nazzjonalista.
L-eks-editur tat-Times of Malta, Steve Mallia, reħielha fuq twitter jgħid li l-Partit Nazzjonalista sar ‘Banali’ u ‘Fake’.
Oħrajn qalu li l-Partit Nazzjonalista għadu ma sabx il-mexxej ideali, bħall-eks Ministru Michael Falzon filwaqt li kien hemm min li bħal l-akkademiku George Vital Zammit semma jekk wasalx il-mument li fil-Partit Nazzjonalista l-kap jitlob vot ta’ fiduċja.