Il-Ħadd qabbel lil Malta u lukanda ħażina u s-Sibt fuq ir-radju tal-partit tiegħu, spiċċa jqabbel l-ekonomija tal-pajjiż ma’ logħba Monopoly.
Fuq ir-radju, Bernard Grech beda jsemmi l-monopoly quddiem l-investiment ta’ sebgħin miljun ewro fin-nies u spiċċa ammetta li anke f’logħba Monopoly ma kienx iżomm mar-regoli.
Dan hekk kif qabad jirrakkonta kif anke meta kien jilgħab Monopoly kien iżerżaq il-flus mill-bank biex jaqta’ d-djun tiegħu.
Il-Kap Nazzjonalista tenna, “Tiftakar meta konna nilagħbu l-monopoly u tgħid jien ħa noqgħod il-bank u tieħu ħames mitt ewro hekk u imbagħad tħallas u jkollok tagħti lil xi ħadd jew xi ħadd qed ifalli u tgħinu tkun qed toħodhom mill-bank. Meta konna tfal min jaf kemm konna nilgħabuha din.”
Fl-istess intervista ma naqasx li Bernard Grech jibqa’ ankrat fil-passat u qal li għandu jsir Prim Ministru għax Gvernijiet Nazzjonalisti għamlu l-ġid.
Hawn qal, “Ejja nfakkru n-nies min għamilhom dawn l-affarijiet, meta konna fil-Gvern kemm għamilna ġid.”
Tul l-intervista huwa kien żbaljat ukoll dwar fatti konkreti fejn saħansitra spiċċa jwiegħed li jekk hu jkun Prim Ministru ser jagħti l-mediċini tal-IVF b’xejn xi ħaġa li l-Gvern ser ikun qed jagħmel, b’dawk li diġà għamlu n-nefqa fl-ewwel sitt xhur tas-sena ser jingħata rifużjoni tal-ispiża marbuta ma’ din il-mediċina.
L-għada li l-Gvern estenda l-Covid Wage Supplement, lill-Gvern, li tul il-pandemija kien ta’ spalla għan-nies, qallu li berbaq il-flus.