Bernard Grech spiċċa jqabbel il-kaċċa u l-insib mal-għonnella.
Dan wara li fuq stazzjon privat tar-radju tenna li l-kaċċa u l-insib ser jinqatgħu waħidhom għaliex in-nies tevolvi.
Qal, “Naħseb illi l-bniedem ser ikollu jevolvi ruħu. Ħa nipprova nieħdok ftit lura meta jien kont ninżel is-suq ta’ Birżebbuġa u kont nara t-tiġieġ ġol-gallinar u kont tagħżel waħda, joqtolielek u jagħtihielek dak il-ħin. M’għadniex nagħmluha din hux, evolvejna. Pero evolvejna b’mod naturali wkoll mhux biss għax inbiddlu ċertu regoli. Evolvejna għaliex anke llum ħadd ma jrid jara ċertu affarijiet isiru.”
Kien għalhekk li staqsejnieh dwar din id-dikjarazzjoni li biha bħal donnu ta x’jifhem li min jipprattika dan id-delizzju mhux evolvut.
Qal, “Inti għidt li l-kaċċa u l-insib maż-żmien ser jinqatgħu għaliex in-nies qed tevolvi. Allura skontok min jippratika l-kaċċa u l-insib mhux evolvut? X’inhuma eżattament?”
Iżda hawnhekk għal din il-mistoqsija, Bernard Grech spiċċa jqabbel il-kaċċa u l-insib mal-għonnella, bil-ħsieb li bħal dan l-ilbies, dan id-delizzju wkoll isir xi ħaġa tal-passat u jinqata’ minn pajjiżna darba għal dejjem b’mod naturali.
Qal, “Ħaġa normali li ċerti affarijiet jinbidlu fil-pajjiż. Bħal ma m’għadniex nużaw l-onnella fil-pajjiż.”
Għal darba oħra quddiem il-mistoqsijiet tagħna Bernard Grech infixel u spiċċa kien ser jagħlaq il-konferenza tal-aħbarijiet mingħajr ma jħalli l-ġurnalista tal-midja tiegħu stess tistaqsieh il-mistoqsija tagħha.