Fuq ix-xandir nazzjonali, il-kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qabbel id-drittijiet ċivili li ta Gvern Laburista ma’ karrotta mdendla.
Dan qalu anki jekk irrikonoxxa li l-Partit Laburista għamel id-differenza fil-qasam tat-twessigħ tad-drittijiet ċivili.
“Id-differenza hi li l-Partit Laburista, verament kif qed tgħid inti poġġa l-bniedem fiċ-ċentru, nafu kemm għamel ġid anki fejn jidħlu d-drittijiet anki ċivili pero l-bniedem mhux qiegħed hemm biex nużawh, tajjeb, indendlu l-karrotta ta’ ċertu drittijiet li nixtiequ ndaħħlu minn żmien għal żmien.”
Fil-programm, Bernard Grech kien mistoqsi dwar id-divorzju u hu saħaq li ma kienx parti mill-kampanja. anki jekk tkellem fil-kampanja kontra d-dħul tad-divorzju f’Malta.
“Jiena kont wieħed mill-aħħar nies li fil-fatt bdejt nitkellem dwar dik l-issue għaliex fil-fatt ma kontx parti mill-kampanja u kien fl-aħħar ftit ġimgħat fejn kienu talbuni biex jiena nlissen l-opinjoni tiegħi dwar dak li kien qed jingħad.”
Fil-programm qal ukoll li l-Bibbja jużaha bħala manwal tiegħu.
“Imma iva l-Bibbja nħares lejha, speċjalment il-vanġelu bħala manual li inti tista’ tirreferi għalih anki meta jkollok dubju f’ċerti affarijiet.”
Qal ukoll li mhuwiex qaddis.
“Ara jien la jien qaddis u lanqas nixtieq nagħti l-impressjoni li jien qaddis.”
Dwar l-immigrazzjoni saħaq li ma nistgħux inħallu l-immigranti jergħqu.
“U allura imbagħad f’daqqa waħda malli niġu fl-immigrazzjoni, ngħidu le dawn aħna rridu nħalluhom jegħrqu.”
Il-kandidat tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil imbagħad infexx jattakka lill-Prim Ministru Robert Abela u għamel dikjarazzjoni surreali dwar meta l-Prim Ministru kien għalaq il-portijiet wara l-pariri tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci.
“Naħseb illi żgur ma kontx noqgħod nistenna lil Joseph Muscat mit-tour dinji li kien qed jagħmel bil-bagalji minn Dubai għall-Ingilterra, għall-postijiet oħrajn. Kont nieħu deċiżjonijiet jekk hemm bżonn iva anke qabel, mhux nistennih ġej imbagħad nagħlaq l-ajruporti.”
Intant fil-programm, Bernard Grech, li qed jaspira li jmexxi lill-Partit Nazzjonalista, qal li wara li jiddeċiedi u fil-futur jirrealizza li seta’ ddeċieda aħjar, qatt ma jgħid li żbalja.
“Jiena bniedem illi wara li imbagħad inkusidrajt kollox, anki jekk fil-futur nirrealizza illi stajt iddeċidejt aħjar, qatt ma ngħid li jiena żbaljat, jekk verament inkun iddeċidejt kollox.”