Filgħodu għodu ddiżappunta lill-Establishment dwar kummenti li għamel dwar Pierre Portelli u Adrian Delia mat-Times iżda filgħaxija kkuntenta lill-istess Establishment biex ma jkomplix iqajjem iżjed irwiefen fil-partit.
Hekk għamel il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech wara li b’ton awtorevoli, l-Eks Chief of Staff ta’ Austin Gatt, Manuel Delia kitiblu li jeżiġi aħjar minnu.
L-esponent ewlieni tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, Manuel Delia kiteb blog u b’ton awtorevoli ddetta x’għandu jagħmel il-Kap Bernard Grech fil-konfront t’Adrian Delia.
Dan wara li Bernard Grech għamel minn kollox biex jevita l-mistoqsijiet minn Jacob Borg tat-Times dwar allegazzjonijiet li l-Partit Nazzjonalista taħt Adrian Delia ħa flus mingħand l-allegat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.
Jacob Borg staqsa lil Bernard Grech jekk hux se jkun qed jieħu passi fil-konfront ta’ Adrian Delia wara allegazzjonijiet ġodda li wasslu għar-riżenja ta’ Pierre Portelli mill-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.
Bernard Grech, li wara d-diskors ta’ Roselyn Borg Knight tal-Ħadd, ipprova jingħoġob ftit biex jibni pont mal-fazzjoni ta’ Delia, żamm lura milli jieħu pożizzjoni fil-konfront tal-Eks Kap, u kien hawnhekk li qam l-Establishment li poġġieh fit-tmun tal-Partit biex jġegħlu jeħles minn Delia.
Bl-istess ton u messaġġ bħal meta heddu biex jgħaxxaqhiex għaliex inkella jsibu lil ħaddieħor, Manuel Delia kiteb artiklu bħal donnu sinonimu ma’ pistola ppuntata ma’ ras Bernard Grech.
Il-blog tiegħu Manuel Delia bdieh b’eloġju fil-konfront tal-ġurnalist tat-Times hekk kif spjega li Bernard Grech ingħata “the Jacob Borg treatment.”
Fil-konfront ta’ Bernard Grech u l-mistoqsijiet dwar Adrian Delia, l-esponent tal-fazzjoni tal-eks Kap Simon Busuttil kompla jgħid li mhux biżżejjed li titbissem iżda li tgħid dak li suppost tgħid.
Fil-fatt, sfida lil Grech ikeċċi lil Delia issa, quddiem l-allegazzjonijiet li Delia ħa flus biex jimmina lil David Casa milli jitla’ fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew.
Manuel Delia qal lil Bernard Grech x’qed jistenna u wissieh li jista’ jaġixxi issa qabel toqrob l-elezzjoni.
Wara dan il-kliem iebes, Bernard Grech inġibed mill-ispaga l-oħra, din id-darba tal-Establishment.
Dan hekk kif Bernard Grech biex jikkalma l-furja tal-Establishment ma kellux għażla oħra ħlief li jiltaqa’ ma’ dawk li tellgħuh Kap, nofs triq u jikkuntentahom fuq oħra.
Fil-fatt, il-Ħamis filgħaxija ltaqa’ l-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista u biex jidher ħelu mal-Establishment, Bernard Grech innifsu talab biex jiġi rtirat kull ħsieb li jinbdew proċeduri kontra Simon Busuttil wara l-gidba Egrant.
Oriġinarjament, fis-sajf tal-2018, Adrian Delia kien wera l-bieb ta’ barra lil Simon Busuttil wara li dan tal-aħħar kien bena kampanja mimlija kalunji u attakki personali kontra l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat dwar Egrant.
Konvenjentament, din il-mossa ta’ Grech biex jikkuntenta lill-Establishment ġiet żvelata f’artiklu tat-Times miktub minn Jacob Borg.
Kien propju siegħa wara, li l-artiklu tat-Times ġie kkonfermat minn stqarrija uffiċjali tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista fejn saħansitra Simon Busuttil ġie rringrazzjat għal xogħlu.
Dan ġie reċiprokat minn Simon Busuttil innifsu li rringrazzja lil Bernard Grech tal-ġest sabiħ li għamel miegħu.
Intant is-sorsi ta’ ONE News fil-kurituri tad-Dar Ċentrali kkonfermaw dispjaċir kbir għal mod ta’ kif Bernard Grech qed jiġi ddettat x’għandu jagħmel.
Sostnew li bl-ebda mod ma stennew li l-Kap se jkun daqshekk dgħajjef quddiem dawk li għenuh jieħu t-tmun tal-Partit.