Bernard Grech warrab lill-aktar rappreżentant ta’ esperjenza li kellu fuq il-Kummissjoni Elettorali, Mario Callus, riżultat ta’ dak li, skont sorsi, kien nuqqas ta’ qbil ma’ deċiżjonijiet li dan ħa fl-aħħar żmien, anke jekk ġustifikati.
Dan tħabbar fl-aħħar ħarġa tal-KullĦadd, fejn il-gazzetta tenniet li mkejjen qrib il-Kummissjoni Elettorali u anke d-Dar Ċentrali esprimew “ħasra” li ntilfet esperjenza li tmur lura 32 sena.
Mill-pubblikazzjoni fil-Gazzetta tal-Gvern tat-3 ta’ Settembru li għadda, fejn tħabbru l-ismijiet tal-għaxar membri tal-Kummissjoni Elettorali, ħamsa mressqin mill-Prim Ministru u ħamsa oħra mill-Kap tal-Oppożizzjoni, joħroġ li kien biss isem Mario Callus li tneħħa u nbidel fuq din l-istituzzjoni Kostituzzjonali.
Għaxar persuni, ħamsa nnominati mill-Prim Ministru u ħamsa mill-Kap tal-Oppożizzjoni, bdew iservu mit-30 ta’ Awwissu li għadda għat-tliet snin li ġejjin taħt it-tmexxija tal-Kummissjonarju Elettorali Prinċipali, Joe Camilleri.
Callus kien ilu mill-1992 jirrappreżenta lill-Partit Nazzjonalista fuq il-Kummissjoni Elettorali u persuni midħla tal-proċessi elettorali wkoll baqgħu mistagħġba bid-deċiżjoni.
Sorsi minn ħdan il-PN stess, li tkellmu mal-KullĦadd, tennew li qatt ma basru li Callus kien se jitwarrab xi darba, anke għax f’kull għadd tal-voti, inklużi dawk li kellna f’Ġunju, hu kien dak assenjat biex josserva u jikkonsulta kontinwament f’isem il-Kummissjoni Elettorali.
Minfloku, il-Kap tal-Oppożizzjoni daħħal lil Dr Ian Micallef.
Is-sorsi fil-PN stess, li tkellmu mal-KullĦadd, qabblu l-każ ta’ Callus ma’ deċiżjoni oħra żbaljata meħuda minn Grech din is-sena stess, b’referenza għall-każ ta’ James Cauchi.
Bla ebda ġustifikazzjoni, dan iċċaħħad milli jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni għall-Kunsill ta’ Bormla, anke jekk kien l-aktar kandidat ta’ esperjenza u suċċess li l-PN kellu fuq il-lokal, bir-riżultat li, għall-ewwel darba, spiċċa lanqas tella’ kunsillier wieħed minn ħamsa.