Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, qed ikun imwissi internament biex jimmodera l-lingwaġġ tiegħu dwar ir-riforma fil-qrati tad-droga, wara li anke l-organizzazzjonijiet li jaħdmu fis-settur, fosthom is-Sedqa, il-Caritas u l-Oasi, ħadd m’uża l-istess lingwaġġ tiegħu.
Fil-fatt hu kien vuċi iżolata li qalet li l-White Paper, ippubblikata għall-konsultazzjoni, għandha tkun irtirata.
Skont rapport fil-faċċata tal-Maltatoday, din il-kwistjoni qamet ukoll f’laqgħa tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista. Dan hekk kif internament kien hemm rabja li Grech kien qed jibni argument fuq xi ħaġa li mhix minnha f’diskussjoni daqstant sensittiva. Fil-fatt it-talba tiegħu biex tkun irtirata l-White Paper ġiet deskritta bħala waħda drakonjana.
L-istess sorsi, qalet il-Maltatoday, tkellmu dwar kif il-Kamra tal-Avukati wkoll laqgħet ir-riforma u fejn emmnet li għandu jkun hemm bidla użat stil differenti. Dan meta kulħadd jaf li l-President tal-Kamra, Peter Fenech, hu daqstant qrib il-Partit Nazzjonalista.
Dan ma kienx l-uniku rapport li wera kif Bernard Grech kien qed jigdeb dwar is-suġġett. Fact checker tat-Times of Malta qal li l-argumenti tal-Kap tal-Oppożizzjoni huma ‘misleading’.
Anke l-Avukat Franco Debono wera kif legalment dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni ma jagħmilx sens.
Bir-riforma proposta mill-Gvern mhu se jinbidel xejn minn kif huma stmati t-traffikanti tad-droga, bl-ogħla piena tibqa’ għomor il-ħabs. Filwaqt li fejn il-Qorti tara li hemm vittma tad-droga, tkun aktar flessibbli biex tgħinu jiġi rijabilitat mill-vizzju.