Il-Partit Nazzjonalista reġa’ mar lura minn dak li qal il-Kap tiegħu dwar donazzjonijiet li rċieva mingħand Yorgen Fenech meta kien diġà magħruf li huwa s-sid ta’ 17 Black.
F’Marzu li għadda, meta kien mistoqsi dwar il-flejjes li ħa l-Partit Nazzjonalista mis-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, lil dak li llum Bernard Grech ingaġġjah strateġista tiegħu, wieġbu hekk.
Christian Peregin kien staqsieh: “Smajna li l-PN taħt Delia rċieva flus mingħand Yorgen Fenech għal salarji tal-ħaddiema anke wara li kien magħruf li huwa s-sid ta’ 17 Black. Qed issir investigazzjoni interna, ħa tagħti dawn il-flus lura?”
Bernard Grech wieġeb: “Jekk ingħataw flus aħna dawk il-flus ma rriduhomx.”
Iżda llum f’konferenza tal-aħbarijiet li fiha l-Partit Nazzjonalista talab investigazzjoni kriminali fuq il-Partit Laburista dwar allegazzjonijiet diġà miċħuda u li jmorru lura għal qabel kien magħruf li Yorgen Fenech huwa s-sid ta’ 17 Black.
ONE News staqsa lill-President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Mark Anthony Sammut jekk il-flus li ħa l-Partit ta’ Bernard Grech traddux iżda mit-tweġiba tiegħu deher ċar biżżejjed li dak li qal Bernard Grech ma jistax jittieħed b’serjetà.
Meta kien mistoqsi: “F’Marzu Bernard Grech kien qal li ser jagħti l-flus lura li ta Yorgen Fenech meta kienu jmorru għandu sħabkom sa ftit ilu. Tafu tgħidulna kemm tajtu lura sa issa?”
Mark Anthony Sammut stqarr: “Mindu kien sar magħruf li Yorgen Fenech huwa s-sid ta’ 17 Black, il-Partit Nazzjonalista ma daħħal l-ebda donazzjoni mingħand Yorgen Fenech.”
Xhieda ġuramentata tal-eks Kap tal-midja Nazzjonalista Pierre Portelli quddiem il-Bord tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia tgħid kif il-Grupp ta’ Yorgen Fenech kien qed jagħti flus sabiex jitħallsu l-pagi tal-ħaddiema tal-midja tal-Partit Nazzjonalista.
Dan fl-2019, meta kien diġà magħruf li Yorgen Fenech huwa s-sid ta’ 17 Black.